Is-sewwieq ta' mutur li lbieraħ filgħaxija kien involut f'inċident tat-traffiku fin-Naxxar, tilef ħajtu iktar kmieni llum, wara li kien ilu f'kundizzjoni kritika għal dawn l-aħħar sigħat. Ralph Farrugia, il-vittma ta' 49 sena mill-Mellieħa, inqabad taħt vettura bil-mutur tiegħu.
Il-każ seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tas-19:00 fi Triq is-Salini, fin-Naxxar. Minn stħarriġ tal-Pulizija rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn mutur tat-tip Kawasaki, misjuq minn raġel ta’ 49 sena, residenti l-Mellieħa u Peugeot Partner, misjuq minn raġel ta’ 33 sena, residenti n-Naxxar. Fl-inċident kienet involuta ukoll karozza tat-tip Fiat Punto, misjuqa minn raġel ta’ 29 sena, residenti Għajnsielem.
Fuq il-post issejjħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili, flimkien mat-tim mediku li assistew lis-sewwieq tal-mutur, li ttieħed l-isptar għall-kura medika.