Żagħżugħ ta' 21 sena jsofri ġrieħi gravi f'inċident tat-traffiku

Il-ġuvni kien passiġġier fuq mutur misjuq minn żagħżugħ ieħor ta' 22 sena

Ġuvni ta’ wieħed u għoxrin sena, residenti San Pawl il-Baħar sofra ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku li seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-19.15 Triq F.M.Ferretti, Birżebbugia.

Il-Pulizija marru minnufih fuq il-post fejn minn investigazzjonijiet preliminari jidher li r-raġel kien passiġier fuq mutur tat-tip Peugeot Xrace li kien misjuq minn ġuvni ta’ 22 sena residenti San Pawl il-Baħar, meta għal xi raġuni dan kellu impatt ma' vettura Renault Megane misjuqa minn tfajla ta’ għoxrin sena residenti Ħal Għaxaq.

Kawża ta l-impatt, il-mutur skidja u baqa' dieħel ġo vettura oħra Hyundai Excel li kienet tinsab ipparkjata fl-istess triq. 

Kemm ix-xufier kif ukoll il-passiġġier tal-mutur ittieħdu l-isptar Mater Dei, fejn aktar tard ix-xufier ġie ċertifikat li sofra minn ġrieħi ħfief filwaqt li l-passiġġier sofra ġrieħi ta’ natura gravi.

Il-Pulizija mid-Distrett ta’ Birżebbugia għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.

More in Kronaka