€900,000 kumpens għal bdiewa li soffrew telfiet fix-xitwa li għaddiet

Il-Gvern ser jagħti kumpens lill-bdiewa, għat telfiet li ġarrbu wara xitwa niexfa

€900,000 kumpens għall-bdiewa
€900,000 kumpens għall-bdiewa

Is-segretarju parlamentari għall-agrikoltura, Roderick Galdes, aktar kmieni dalgħodu ħabbar li madwar 5,000 bidwi ser igawdu minn fond ta’ €900,000 li l-Gvern qiegħed joffri bħala kumpens għat-telfiet imġarrba mill-bdiewa tul ix-xitwa li għaddiet, minħabba n-nixfa. Galdes spjega li x-xitwa li għaddiet kienet fost l-aktar nixfin u sħan li qatt laqtu lil gżiritna, b'riżultat negattiv fuq l-agrikoltura lokali.

“Il-fond ta’ emerġenza mħejji mill-Gvern għandu jservi ta’ għajnuna għal kultivaturi ta’ frott u ħaxix”, sostna Galdes, filwaqt li saħaq ukoll li l-Gvern ser japplika għall-fondi mill-UE biex jiġu allokati għas-settur tal-agrikoltura, u aktar 'il quddiem japplika wkoll għal aktar fondi biex jgħinu l-produtturi tal-ħalib u l-majjal.

Taħt din l-iskema, il-bdiewa ser jirċievu l-fondi flimkien mal-bqija tal-intitolamenti annwali tagħhom mingħajr bżonn ta’ ebda applikazzjoni.

Benny Camilleri, sid l-għalqa fejn saret il-konferenza stampa, spjega lill-ġurnalisti li l-ispejjeż li ġarrbu l-bdiewa waqt ix-xitwa li għaddiet, kienu primarjament marbutin ma’ użu estensiv ta’ irrigazzjoni, biex tikkumpensa għan-nuqqas ta’ xita.

In-nuqqas ta’ ilma ma kinitx l-unika problema li ffaċċjaw il-bdiewa, kompla jsostni Camilleri. “Is-sħana, għamlet mezz li ċertu parassiti jibqgħu ħajjin tul ix-xhur tax-xitwa, bir-riżultat li aktar bexx kellu jiġu użat, spiża oħra mġarrba mill-bdiewa.”

Camilleri kompla jispjega li filwaqt li fix-xitwa li għaddiet kampaw bil-ħniena, lanqas biss irid jaħseb fuq l-effetti li tista' tħalli xitwa oħra simili. Dan mhux biss għall-agrikoltura, iżda wkoll għall-kultivazzjoni tal-fjuri, li jħallu impatt dirett fuq in-naħal ukoll.

Galdes spjega li l-prijorità mhux biss l-għotja ta’ għajnuna finanzjarja, iżda l-ippjanar u implimentazzjoni ta’ proġetti biex jantiċipaw u jikkontrollaw sitwazzjonijiet ta’ klima estrema. Fost dawn il-proġetti hemm pjanijiet għall-immaniġġjar u użu aħjar tal-ilma li ser jkun megħjun mill-impjant tar-riċiklaġġ tad-drenaġġ li ser jibda jopera fix-xhur li ġejjin.

More in Kronaka