Il-Pulizija Belġjana ġiet imwissija li grupp ta' ġellieda tal-istat Iżlamiku, telqu mis-Sirja, fi triqthom lejn l-Ewropa, bil-mira li jwettqu attakki terroristiċi ġodda f'dawn iż-żewġ pajjiiżi.
Il-ġurnal Belġjan DH ikkwota t-twissija li ħarġet mill-grupp ta' kontra t-terroriżmu Belġjan li, "il-grupp allegatament telaq mis-Sirja xi ġimgħa u nofs ilu, bi pjan li jgħaddu mit-Turkija u l-Greċja u jaslu l-Ewropa fuq dgħajsa u mingħajr passaporti."
Il-ġurnal Belġjan saħaq li l-grupp beħsiebu jinqasam fi tnejn, b'nofsu jmur Franza u l-bqija l-Belġju. L-għanijiet tat-terroristi għadhom mhux magħrufa.
L-awtoritajiet Belġjani minnufih wissew lill-kollegi tagħhom fi Franza li bħalissa diġà jinsabu fi stat ta' allert kontinwu minħabba l-logħob tal- Euro 2016. Filwaqt li ż-żewg pajjiżi żiedu l-livelli ta' sigurtà, it-tnejn li huma ħadu prekawzjonijiet biex ma joħolqux allarm żejjed. Dan minħabba li waqt avveniment bħal-logħob tal-Euro 2016, jirċievu allerti ta' dan it-tip kuljum.
L-awtoritajiet Franċiżi m'għandomx informazzjoni li din it-twissija għandha xi rabta mal-qtil ta' żewg pulizija Franċiżi ġewwa r-residenza tagħhom li seħħet ftit tal-jiem ilu, allavolja l-qattiel sostna l-allejanza tiegħu ma' l-Istat Iżlamiku (IS)
Skond SKY news, filwaqt li ż-żewġ pajjiżi qegħdin fi stat ta' allert, sakemm ikun hemm aktar konfermi ċari, ma tista' tittieħed ebda azzjoni ħlief viġilanza.