Il-membri parlamentari Ingliżi qiegħdin jiġu avżati biex jirrevedu u jtejbu l-miżuri ta' sigurtà tagħhom.
Dan fid-dawl tal-qtil tal-membru parlamentari Ingliża Jo Cox, ta' 41 sena, li ġiet maqtula brutalment b'daqqiet ta' sikkina u tiri ta' arma tan-nar fi Bristall, West Yorkshire, nhar il-ħamis, 16 ta' Ġunju.
Il-Pulizija kienu qed jirrevedu l-miżuri tas-sigurtà ta' Cox qabel ma din ġiet maqtula, minħabba li għal dawn l-aħħar tlett xhur, Cox kienet irċiviet numru ta' tgħeddid min sorsi anonimi.
Filwaqt li l-Pulizija għada ma sabet ebda konnesjoni diretta bejn il-qtil u xi tgħeddida partikolari, il-fatt jibqa' li l-membri parlamentari għandhom minnufiħ jirrappurtaw kull każ ta' tgħeddida li jġarrbu, sabiex il-Pulizija tkun tista' tinvestiga qabel ikun tard wisq.
il-MP qiegħdin jiġi wkoll imħeġġa li jevitaw dehriet fil-pubbliku mingħajr uffiċjali tas-sigurta magħhom, u qatt ma jkunu weħidhom ma ħadd waqt il-laqgħat ta' konsultazzjoni speċifiċi għar-referendum dwar l-UE, li qiegħdin isiru bħaliisa.
Il-Membru Parlamentari James Berry qal lil SKY News li "It-Tragedja hija li Jo ġiet maqtula brutalment waqt li kienet qiegħda taqdi d-dmirijiet demokratiċi tagħha"
Il-kampanji tar-referendum dwar l-UE, għadhom sospiżi, biż-żewġ naħat jikkanċellaw l-attivitajiet pjanati, bħala sinjal ta' rispett u luttu għal Jo Cox.
F'diversi lokalitajiet madwar ir-Renju Unit ġew organizzati vġieli biex ifakkru l-memorja ta' Jo Cox.