“Qabel ma jiddeċiedi dwar il-proposti speċifiċi għall-iżvilupp ta’ bini għoli madwar Malta, il-Gvern għandu jikkummissjona 'Master Plan' ħolistiku li jassessja l-impatti kumulattivi ta’ dawn l-iżviluppi. " Dan qalu l-perit Dr.Ruben Paul Borġ waqt konferenza stampa aktar kmieni dalgħodu.
Il-Perit Borg, li jirrapresenta l-SBE (Sustainable Built Environment Malta) spjega li l-master plan għandu jevalwa fatturi bħaż-żieda tat-traffiku, id-dewmien tal-kostruzzjoni, il-ħolqien ta’ dell fuq proprjetajiet oħrajn, l-infrastruttura, l-impatt viżiv fuq l-inħawi ta’ siti storiċi, l-impatt fuq il-valur ekonomiku tal-proprjetà u fuq il-kwalità ta’ ħajjet in-nies tal-lokal.
L-organizzazzjonijiet Civil Society Network Malta, Din l-Art Ħelwa, Flimken għall-Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Ramblers Association Malta, Qui-si-sana & Tigne' Residents Association, Sustainable Built Environment Malta, Youths for the Environment, Moviment Graffitti u Chamber of Planners, flimkien mal-Kunsill Lokali tas-Sliema qiegħdin jitolbu dan il-waqfien temporanju tal-proġetti li jinvolvu bini għoli qabel ma jitlesta masterplan nazzjonali fuq tali żvilupp.
Michael Briguglio, mis-Civil Society Network Malta tenna li ebda reazzjoni jew risposta ma ngħatat min rappreżentanti tal-Gvern u l-Oppożizzjoni, filwaqt li l-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku qiegħdin isostnu dil il-kawża.
L-NGOs ambjentali jistiednu wkoll lill-organizzazjonijiet l-oħra interessati u lill-partiti politiċi sabiex jissapportjaw din it-talba mressqa quddiem il-Gvern.