Il-Fondazzjoni HSBC Malta qegħda tagħti l-appoġġ tagħha lit-taqsima tal-klieb tal-Pulizija ta' Malta, sabiex aktar klieb jiġu mrawwma fuq xogħol kontra d-droga u l-protezzjoni kontra l-kriminalità.
L-għan tal-appoġġ mill-Fondazzjoni hu li ma tibqax tagħti għotjiet ta’ flus imma billi twettaq pjan fit-tul fejn il-klieb membri tat-Taqsima tal-Klieb tal-Pulizija mhux biss jagħtu daqqa t’id fis-sejbien tad-droga imma li effettivament iżommu t-toroq u l-iskejjel ta’ Malta ħielsa minn dawk li jaqaw fil-vizzju jew iwettqu mġieba kriminali.
L-appoġġ lit-Taqsima tal-Klieb tal-Pulizija jmur lura sal-2013, meta permezz tal-isponsorship ta’ tliet snin ta’ HSBC Malta ppermetta lis-sezzjoni tikber u żżid in-numru ta’ klieb rekluti. Waħda mill-ewwel rekluti dan l-aħħar weldet seba’ iġriewi tar-razza Belgian Shepherd. La jikbru dawn il-ġriewi għad jieħdu l-grad ta’ surġent.
It-Taqsima tal-Klieb tal-Pulizija ta’ Malta tinkludi żewġ diviżjonijiet, dik tal-protezzjoni u użu ġenerali tal-klieb biex jassistu lill-pulizija fil-qadi ta’ dmirijiethom, u search dogs mħarġa biex ixommu splussivi u narkotiċi.
“Il-Fondazzjoni HSBC Malta hi kbruija li qed tgħin lit-Taqsima tal-Klieb tal-Pulizija bix-xogħol importanti tagħhom li minnu jibbenefikaw mhux biss iċ-ċittadini kollha ta’ Malta imma anki l-barranin" sostna l-Kap Eżekuttiv tal-fondazzjoni Andrew Beane, li saħaq l-fondazzjoni tħoss li din hi parti mir-responsabbilità tagħhom bħala kumpannija ewlenija fil-komunità.
Is-Supretendent Mario Tonna minn naħa tiegħu tenna li “Bħala sezzjoni tal-klieb il-missjoni ewlenija tagħna hi li niżguraw is-sigurtà tan-nies kollha li jgħixu f’Malta. Il-klieb għandhom sens ta’ xamm żviluppat ħafna u hu effettiv fil-prevenżjoni u tfittxija ta’ sustanżi illegali,”
Tonna kkonkluda billi sostna li “l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-HSBC qed tgħina biex inwessgħu l-opportunitajiet ta’ taħriġ għall-klieb tagħna u lit-Taqsima nnifisha biex tkompli tikseb iktar riżorsi. Dan ser iwassal għal żieda fil-protezzjoni ta’ nies vulnerabbli billi tiskuraġġixxi sustanzi illegali. B’hekk it-Taqsima tista’ toffri sigurtà aħjar u iktar effiċjenti lis-soċjetà Maltija.”