Żagħżugħ Somalu ta' 28 sena, residenti ż-Żebbuġ, Għawdex, waqa’ għoli ta’ madwar sular minn fuq il-promenade fi Triq it-Torri, Sliema u niżel fuq il-blat tax-xatt.
L-inċident seħħ kmieni dalgħodu għall-ħabta tas- 7:15 ta' filgħodu. Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post flimkien ma skwadra mill-Isptar Mater Dei, li taw l-ewwel assistenza medika fuq il-post peress li ż-żgħażugħ kellu xi feriti.
Iż-żagħżugħ ittieħed l-isptar ftit ħin wara. Il-Pulizija kkonfermat aktar tard matul il-ġurnata li l-kundizzjoni taż-żagħżugħ hija stabbli u mhux fil-periklu tal-mewt, għalkemm ġarrab ġrieħi gravi.
Il-Pulizija mill-Għassa ta’ Tas-Sliema għadhom għaddejjin bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.