L-Isterlina taqbad it-triq tan-niżla

Il-valur tal-Isterlina Ingliża, dalgħodu niżel għall-aktar livelli baxxi li qatt kien f'dawn l-aħħar 31 sena
Aggornat | Il-kumpanija 'EasyJet' tbassar telf

Il-Valur tal-Isterlina Ingliża jaqa' għal-livelli baxxi
Il-Valur tal-Isterlina Ingliża jaqa' għal-livelli baxxi

Il-valur tal-Isterlina Ingliża, dalgħodu niżel għall-aktar livelli baxxi li qatt kien f'dawn l-aħħar 31 sena. Bħalissa l-Lira Sterlina tiswa $1.3218 jew €1.20042, u tinsab fl-aktar livelli baxxi u nstabbli sa mill-1985 meta kkomparata mad-dollaru Amerikan. 

Din l-iżvalutazzjoni hija riżultat tal-inċertezzi dwar l-inpatti ekonomiċi li ħoloq ir-riżultat tar-referendum. Sa mill-Ħamis filgħaxija stess, qabel ma kien imħabbar ir-riżultat uffiċjali, il-borża rat bejgħ sostanzjali tal-Isterlina li niżżilha għall-valur ta' $1.323.

L-isħma tal-kumpaniji tal-ajru, tal-industrija tal-kostruzzjoni u tal-banek huma l-agħar li ntlaqtu, b'waqfien totali tal-kummerċ fil-borża.

Kelliem għall-kumpanija tal-ajru 'EasyJet' bassar li fit-tieni nofs tas-sena se jkollhom nuqqas sostanzjali fid-dħul tagħhom, minħabba l-inċertezzi li nħolqu wara r-referendum. "Tort tal-iżvalutazzjoni tal-Isterlina u l-inċertezza finanzjarja" tenna kelliem tal-kumpanija fuq SKY News, "il-kumpaniji tal-ajru se jaraw tnaqqis sostanzjali fin-numru ta' passiġġieri."

L-iżvalutazzjoni rekord fil-prezz tal-munita Brittannika fil-borża, se jeffetwa wkoll il-prezz tal-fjuwil, li jista' jżid l-ispejjeż annwali tal-kumpanija b'madwar £25 miljun.

 

More in Kronaka