filmat | Is-CIA tippunta subgħajha lejn l-IS

Filmati tas-CCTV juru tnejn mill-irġiel suspettati fl-attakk fuq l-ajruport fit-Turkija

Filmati juru l-persuni involuti fl-attakk fit-Turkija
Filmati juru l-persuni involuti fl-attakk fit-Turkija

Filmati tas-CCTV juru tnejn mill-irġiel suspettati fuq l-attakk terroristiku fl-ajruport ta' Ataruk, f'Istanbul, li ħalla 42 persuna mejta u aktar minn 230 oħra midruba, ħafna minnhom f'kundizzjoni kritika.

Id-direttur tal-aġenzija CIA, saħaq li "s-sinjali kollha jippuntaw lejl l-Istat Islamiku (IS)."

Wieħed mis-suspettati sploda l-bomba li kellhu fuqhu n-naħa t'isfel tal-ajruport, fis-sala tal-wasliet, filwaqt li l-ieħor sploda lilu nnifsu fin-naħa ta' fuq, fis-sala tat-tluq. 

Uffiċjali tas-sigurtà Torok stqarru li t-tielet terrorist stenna n-nies beżgħana joħrogu l-barra mill-ajruport qabel sploda lilu nnifsu f'nofshom.

Il-Prim Ministru tat-Turkija żvela fi stqarrija li kif it-tliet terroristi indunaw li jistgħu jitwaqqfu mill-uffiċjali tas-sigurtà tal-ajruport, huma ħarġu l-armi tan-nar li kellhom fil-bagalji u fetħu n-nar fuq in-nies, qabel ma nfirdu biex kull wieħed minnhom jisplodi post separat tal-ajruport.

Nies li salvaw mill-attakk stqarrew ma' ġurnalisti li kienu fuq il-post li wieħed mit-terroristi sploda lilu nnifsu wara li uffiċjali tas-sigurtà kien irnexxielhom jilħquh u jisparaw fuqhu. Hekk kif splodew l-ewwel żewġ bombi, il-paniku u l-kaos ħakem l-ajruport kollu.

Diversi filmati, uħud minnhom anke miġbudin minn nies li kienu fl-ajruport, juru l-atmosfera ta' biża' li kien hemm waqt l-attakk.

Dan il-filmat juri mumenti qabel splodiet l-ewwel bomba.

More in Kronaka