Mara tweġġa' gravi wara li waqgħet f'Tas-Sliema

Anzjana ta' 81 sena waqgħet indana taraġ u sofriet ġrieħi gravi

Anzjana ta' 81 sena spiċċat sofriet ġrieħi ta' natura gravi wara li waqgħet f'residenza privata f'Tas-Sliema.

L-inċident seħħ kmieni dalgħodu, għall-ħabta tal-5.30, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha ġewwa residenza privata fi Triq Nicolò Isouard, Tas-Sliema.

Il-Pulizija mill-Għassa ta’ Tas-Sliema marru minnufih fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li mara ta’ 81 sena li tgħix fl-istess residenza, għal xi raġuni waqgħet indana taraġ u sofriet xi ġrieħi.

Il-mara ngħatat l-ewwel għajnuna mill-ġirien tagħha sakemm waslet ambulanza fuq il-post u ħaditha l-Isptar Mater Dei għall-kura. Iktar tard hija ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi ta’ natura gravi iżda mhux fil-periklu tal-mewt.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija rigward dan l-inċident għadhom għaddejjin.

More in Kronaka