Illum ghall-ħabta tal-16:50, il-Pulizija ntalbet tirrikorri ġewwa l-inħawi magħrufa bħala s-sur ta’ San Pawl, Bormla, peress li kien hemm argument bejn xi persuni.
Il-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit marru minnufih fuq il-post fejn sabu li s-sitwazzjoni kienet ikkalmat, iżda f’daqqa waħda tliet persuni ta’ 18, 24 u 29 sena, kollha residenti ta' Bormla, reġgħu bdew jargumentaw u għaldaqstant il-Pulizija intervjenew sabiex iwaqqfuhom. Kien hawnhekk li dawn il-persuni darrbu lil Surġent tal-Pulizija. Waqt l-argument weġġa’ wkoll Kuntistabbli li qiegħed stazzjonat ukoll ġewwa r-Rapid Intervention Unit.
Għaldaqstant fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lis-Surġent l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Is-Surġent tal-Pulizija ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi iżda ma jinstabx fil-periklu tal-mewt. Il-Kuntisstabbli qiegħed ukoll jingħata l-kura meħtieġa.
It-tliet persuna qegħdin jinżammu mill-Pulizija għal aktar stħarriġ.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.