Aktar minn 32 miljun vjaġġ bit-tallinja card

Wara biss sena mit-tnehid tat-tallinja card, il-Malta Public Transport irreġistrat 32 miljun vjaġġ minn passiġiera li użaw it-tallinja card

32 miljun vjaġġ minn passiġiera li użaw it-tallinja card
32 miljun vjaġġ minn passiġiera li użaw it-tallinja card

F’għeluq is-sena mit-tnehid tat-tallinja card li seħħ fl-1 ta’ Lulju 2015, Malta Public Transport ħabbret li 240,000 individwi issa għandhom tallinja card. “Matul l-ewwel sena, irreġistrajna 32 miljun vjaġġ minn passiġiera li użaw it-tallinja card,” spjega Daniel Grech, Commercial Director ta’ Malta Public Transport.

Malta Public Transport tifhem li l-passiġġieri kienu fil-qofol tas-suċċess tat-tallinja card. Il-kumpanija identifikat dawk il-passiġġiera li vjaġġaw l-aktar matul din is-sena f’kull kategorija: adulti, tfal, student, Għawdxin u Concession. Bħala ringrazzjoament tal-lealtà tagħhom, dawn il-ħames klijenti qed jingħataw l-opportunità li jivvjaġġaw b’xejn fuq il-karozza tal-linja għal sena sħiħa sat-30 ta’ Ġunju 2017.

It-tallinja card toffri mod aktar faċli biex tivjaġġa, peress li passiġiera m’għadx għandhom bżonn jipreparaw muniti biex iħallsu għal biljett għaliex issa jistgħu faċilment jużaw it-tallinja card meta jitilgħu fuq il-karozza tal-linja. Waħda mill-akbar benefiċċji fit-trasport pubbliku lokali tat-tallinja card kien bla dubbju il-fatt li l-vjaġġi qed jieħdu anqas ħin peress li m’hemmx tpartit ta’ flus meta tintuża t-tallinja card.

Il-klijenti li jużaw it-tallinja card awtomatikament jibbenefikaw minn capping fuq bażi ta’ ġurnata, ġimgħa jew xahar. Dan ifisser li passiġiera ma jħallsux aktar minn ammont speċifiku irrispettivament tan-numru ta’ vjaġġi li jsiru. Bħalissa hemm aktar minn 12,000 klijent tat-tallinja card li jilħqu il-capping ta’ kull xahar, inkluż xi wħud li laħqu għamlu aktar minn 3,500 vjaġġ matul din is-sena u b’hekk frankaw aktar minn €2,000 komparat ma’ kemm kienu jonqfu li kieku ħallsu għal biljett għal kull vjaġġ.

Bl-introduzzjoni tat-tallinja card, Malta Public Transport issa tinsab f’pożizzjoni fejn tista’ tosserva b’mod ġenerali kif in-nies jivvjaġġaw. Minn din l-informazzjoni joħorġu fatti interessanti, bħal liema kientet il-ġurnata li fiha l-aktar li vjaġġaw nies, li kienet it-30 t’Ottubru 2015, meta kien hemm aktar minn 100,000 vjaġġ li sar f’dik il-ġurnata bit-tallinja card. Il-waqfiet l-aktar popolari, wara l-venda tal-Belt Valletta, kienu “Kullegg” fl-Imsida, “Bombi” fil-Floriana, “Sptar” u “L-Imsida” fl-Imsida u “Paola” f’Raħal Ġdid.

It-tallinja card tidher li hi popolari ħafna man-nies li għalqu s-60 sena, b’75% ta’ nies ta’ din l-età għandhom tallinja card. It-trasport pubbliku hu essenzjali biex jipprovdi mobiltà lin-nies li jixtiequ jivjaġġaw b’mod indipendenti. Qed naraw li l-anzjani qed jivvjaġġaw aktar ta’ spiss u t-tallinja card qed tgħinnhom imorru f’postijiet differenti sabiex jibqgħu attivi fis-soċjetà.

Matul din is-sena, Malta Public Transport għamlet numru ta’ investiment bl-għan li jitjieb is-servizz. Daħlu 179 karozzi tal-linja ġodda fis-servizz, b’hekk il-flotta f’Malta hi waħda mill-aktar moderni fl-Ewropa. It-tallinja app li ħarġet f’April tagħti informazzjoni fil-ħin dwar is-servizz tat-trasport publiku.

Malta Public Transport kompliet tinvesti fin-nies, billi tkompli ttejjeb il-kundizzjonijiet ta’ xogħol għal-ħaddiema tagħha. Il-kumpanija kompliet timpjega u tħarreġ aktar xufiera u nies fil-customer care sabiex tkompli toffri l-aħjar servizz possibbli. In-numru ta’ vjaġġi żdiedu wkoll għal aktar min 5,500 vjaġġ kuljum. 

More in Kronaka