Vapur tal-gwerra mit-Taiwan, bi żball, spara missila supersonika tat-tip "aircraft carrier killer", lejn id-direzzjoni taċ-Ċina, bil-konsegwenza li din laqtet u għarqet vapur tas-sajd Ċiniz.
F'dan l-inċident, il-missila għaddiet minn mal-vapur tas-sajd mingħajr ma splodiet, iżda xorta kkawżatlu ħsarat kbar, tant li l-kaptan tal-vapur tilef ħajtu u diversi membri tal-ekwipaġġ sfaw midruba.
Il-Ministru tad-Difiża tat-Taiwan Chen Chung-Chi, offra l-apoloġiji tiegħu lill-gvern Ċiniż u anke lill-familjari tal-vittmi mill-vapur tas-sajd milqut.
L-Uffiċjal taċ-Ċina inkarigat mir-relazzjonijiet mat Taiwan, Zhang Zhijun, saħat li t-Taiwan trid tipprovdi "spjegazzjoni raġjonevoli" għall-isparar ta' din il-missila, li sejjaħ bħala "kwistjoni serja."
Chung-Chi sostna li qegħda ssir investigazzjoni dettaljata dwar dan l-inċident.