L-awtoritajiet Ingliżi qegħdin fi stat ta' allert wara li rċevew theddida ta' bomba fl-ajruport ta' Heathrow, minn fuq profil Twitter ta' simpatizzanti tal-Istat Iżlamiku (IS)
Ir-rapporti mill-midja Brittannika jsostnu li t-theddida saret dwar titjiriet bejn Heathrow u ajruporti Amerikani, għall-perjodu tal-festa tal-4 ta' Lulju fl-Istati Uniti. L-istess theddida wissiet dwar bombi mpoġġijin fl-ajruporti ta' Heathrow (Londra), LAX (Los Angeles) u JFK (New York).
Il-Ministru tat-Trasport Ingliz stqarr li "rridu nżommu għajnejna miftuħin dwar it-theddida globali tat-terroriżmu." Huwa saħaq ukoll li filwaqt li ma jistax jagħti dettalji dwar il-miżuri ta' sigurtà li qed jiġu implimentati fl-ajruport ta' Heathrow, iserraħ moħħ il-poplu Ingliż li qegħda tittieħed kull prekawzjoni għas-sigurtà.