Il-Pulizija għada għaddejja b'investigazzjoni dwar il-qtil ta' Eleanor Mangion Walker, omm ta' 33 sena mis-Swieqi, li l-katavru tagħha nstab ġo maħżen f'Ħal Qormi ilbieraħ filgħaxija.
L-omiċidju kien x'aktarx riżultat ta' vjolenza domestika. L-awtopsja li saret fuq Mangion Walker, ikkonfermat li din mietet b'kaġun ta' daqqiet f'rasha b'oġġett li ma jaqtax.
It-tftittix għar-raġel tagħha, Andrew Mangion, li hu s-suspettat ewlieni għal dan l-omiċidju, għadhom għaddejjin.
Kien għall-ħabta ta' xi 21:30 tal-bieraħ filgħaxija, meta il-Pulizija rċeviet informazzjoni li ġewwa maħżen fi Triq il-Kummerċ, Ħal Qormi x’aktarx li kien hemm persuna mejta.
Il-Pulizija mir-Rapid Interverntion Unit flimkien ma’ dawk tat-Traffiku u tad-Distrett marru fuq il-post fejn bl-għajnuna tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili bdew jinfetħu l-imħażen li hemm f’din it-triq.
F’wieħed minn dawn l-imħażen, li ma jintużax, instab il-ġisem bla ħajja ta’ mara, li ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post.
Aktar investigazzjonijiet dwar dan l-omiċidju għadhom għaddejjin.