Ħinijiet tax-xogħol aħjar għal Pulizija

Madwar 340 membru tal-Korp tal-Pulizija qed jibbenefika minn reviżjoni fil-ħinijiet tax-xiftijiet, u titjib fil-ħinijiet tax-xogħol

Ħinijiet tax-xogħol aħjar għall-membri tal-Korp tal-Pulizija
Ħinijiet tax-xogħol aħjar għall-membri tal-Korp tal-Pulizija

“Madwar 340 membru tal-Korp tal-Pulizija qed jibbenefika minn reviżjoni fil-ħinijiet tax-xiftijiet, fuq talba tagħhom stess”.  Hekk stqarr il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela waqt il-bidu taċ-ċelebrazzjonijiet għall-202 sena mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija. 

Waqt il-ftuħ tal-ewwel wirja fuq l-istorja tal-Korp tal-Pulizija, li saret fil-Parlament, il-Ministru Abela tkellem fuq il-ħidma favur it-twettitq ta’ miżuri li bihom il-Pulizija qed jaraw avvanz fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.  Huwa ħabbar li flaħħar ġimgħat beda proġett li fl-ewwel fażi tiegħu ġab fis-seħħ tibdil f’numru ta’ xiftijiet f’diversi taqsimiet tal-Pulizija li bihom il-membri bdew jaraw titjib fil-ħinijiet tax-xogħol tagħhom.

Abela semma wkoll kif dan wassal għad-dħul ta’ ħinijiet ta’ xiftijiet aktar flessibli li joffru mistrieħ adegwat u l-possibilità li l-membri jqattgħu aktar ħin mal-familja tagħhom. Dan wara li diversi membri tal-Korp inkluż bis-sehem tal-Unions, ressqu talbiet biex il-korp jikkunsidra d-diffikultajiet li divesi membri u l-familji tagħhom kienu għaddejjin minnhom minħabba ħinijiet ta’ xiftijiet mhux vantaġġjużi.

Il-maġġoranza tar-reviżjoni tax-xiftijiet affetwati raw tibdil minn ħamest ijiem xogħol segwiti minn ġurnata off, għal erbat ijiem xogħol segwiti minn ġurnata off. Taqsimiet oħra raw tibdil minn tliet ijiem xogħol segwiti minn ġurnata off għal sistema ta’ day, night, rest off. Fiż-żmien li ġej aktar taqsimiet se jkunu qegħdin jaraw reviżjoni fil-ħinijiet tax-xiftijiet tagħhom.

“Tibdil li f’għajnejn is-soċjetà jista' jidher żgħir, imma għal dawk il-ħaddiema li ilhom snin jaħdmu xiftijiet twal bi ftit mistrieħ bejn kull xift, dan ifisser nifs ġdid”, qal il-Ministru Abela.

Waqt l-indirizz tiegħu huwa tkellem  fuq l-importanza li l-Pulizija jkunu qrib il-komunità u semma kif il-Pulizija għandhom jibqgħu jaħdmu biex isaħħu r-relazzjoni tagħhom mal-pubbliku. Hu qal li wara l-ingaġġ ta’ 229 kunstistabbli fl-aħħar sentejn, preżentament il-korp għandu madwar 1,050 pulizija li jservu lill-pubbliku fl-għasses distrettwali, l-ewwel art ta’ għajnuna għal dawk li jirrikorru għand il-Pulizija f’mumenti diffiċli.

“Il-Pulizija huma l-pubbliku u l-pubbliku huma l-Pulizija. Tajjeb li niċċelebraw il-passat iżda b’ħarsitna lejn il-futur. Lejn sfidi ġodda. Lejn bidla fil-mentalità u l-kultura ħalli nibqgħu relevanti fis-soċjeta’ ta’ llum u għada”, temm jgħid il-Ministru Abela.

More in Kronaka