Matul l-iljieli ta' din il-ġimgħa se jkunu qed isiru xi xogħolijiet fil-mini ta' Regional Road (Triq Mikiel Anton Vassalli), kull lejl bejn illum u nhar il-Ġimgħa, bejn it-8:00 ta' filgħaxija u l- 5:00 ta' filgħodu.
Filwaqt li t-traffiku mhux se jkun imwaqqaf kompletament mill jgħaddi minn ġol-mini, dan se jkun limitat għall-użu ta' mina waħda biss, bl-użu ta' korsija waħda għal kull direzzjoni. Matul il-ġurnata, l-użu tal-mini jerga' lura għan-normal.
Għaldaqstant Transport Malta qegħda tħeġġeġ li l-mini jiġu evitati kemm jista' jkun, biex jitnaqqsu inkonvenjenzi ta' konġestjoni tat-traffiku.
Illejla se jsiru wkoll xogħolijiet fi Triq il-Qasam u f'partijiet minn Triq San Andrija, fis Swieqi. Dawn ix-xogħolijiet se jsiru bejn it-8:00 ta' filgħaxija u l- 5:00 ta' filgħodu. It-toroq imsemmija mhux se jkunu magħluqin għat-traffiku, iżda mhux se jkun permess il-parkeġġ fihom matul il-lejl.