14-il xahar ħabs għal traffikar ta' kokaina

Raġel Somalu jingħata 14-il xahar ħabs u multa ta' €300 għal attentat ta' traffikar ta' kokaina

Ħabs u multa għal attentat ta' traffikar ta' kokaina
Ħabs u multa għal attentat ta' traffikar ta' kokaina

Raġel Somalu ta' 30 sena, li fis-26 ta' Ġunju ġie arrestat fuq attentat ta' traffikar ta' droga u meħlus mill-ħabs wara l-arrest, ġie kkundannat illum għal 14-il xahar ħabs u mogħti multa ta' €300.

Abdisalan Mahamed Afrah, kien ġie arrestat f'Ġunju f'Paceville wara li l-Pulizija innotawh iġib ruħu b'mod suspettuż. Waqt l-arrest, il-Pulizija sabet tlett qratas ta' kokaina fil-pussess ta' Afrah, li huwa ammetta li kellu intenzjoni jbiegħ għal €50 l'wieħed.

Afrah, li huwa diżokkupat u jgħix fiċ-ċentru ta' Ħal Far, ammetta l-akkużi ta' pussess u attentat ta' traffikar ta' kokaina; akkuża magħmula aktar serja minħabba l-fatt li kien jinsab inqas minn 100 metru l-bogħod minn post frekwentat minn żagħżagħ.

Fl-2014 Afrah kien digà ingħata sentenza ta' tliett snin ħabs fuq serq ta' basket, fost akkużi oħrajn ta' serq tul is-snin. Il-Maġistrat Scerri Herrera osservat li minkejja l-arresti u ż-żmien traskors il-ħabs, Afrah ma jidhirx li tgħallem il-lezzjoni. B'kunsiderazzjoni għall-ammont żghir ta' droga li Afrah kellu fuqhu u għall-fatt li huwa minnufiħ ammetta r-reat tiegħu, huwa ingħata 14-il xahar ħabs u multa ta' €300.

 

 

More in Kronaka