Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela bħalissa qiegħed fil-Belt ta' Bratislava biex jattendi għall-ewwel kunsill informali organizzat waqt il-Presidenza Slovakka tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Il-kunsill informali se jkun qed jiddiskuti il-qasam tal-Ġustizzja u l-Intern, bl-agenda titratta il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, b'mod partikolari il-ħtiega li din it-tema tkun trattata fuq livell internazzjonali flimkien mal-ħarsien tal-fruntieri Ewropej.
Waqt iż-żjara tieghu fi Bratislava, il-Ministru Abela żar l-Akkademja tal-Pulizija ta' Slovakkja u attenda xi laqgħat hemmhekk.
Iż-żewġ naħat tkellmu fuq il-ħidma fiż-żewġ pajjiżi rispettivi biex javvanzaw it-taħrig fil-ħiliet ipprovdut lil membri tal-pulizija sabiex jingħata servizz ta' protezzjoni aħjar lil pubbliku.
Dan filwaqt li l-Pulizija tkun pass qabel il-metodologiji li qed jintużaw f'tipi ta' reati godda.
L-Onorevoli Abela ġie mdawwar mal-post u muri dipartimenti fejn isir it-tahrig teoretiku, prattiku u fiziku.
Il-Ministru Abela rringrazzja lit-tmexxija tal-Akkademja għall-ospitalità u nnota li hemm lok għal kooperazzjoni u qsim fil-ħiliet bejn l-Akkademja f'ta' Kandja u l-Akkademja tal-Pulizija Slovakka fuq oqsma varji pulizjeski.