€100,000 biex ikollna bajjiet aktar nodfa

Isir investiment ta’ €100,000 f'makkinarju biex jintuża mid-Direttorat għat-Tindif għal tindif intensiv fil-baħar u fil-bajjiet

Investiment ta' €100,000 għal-makkinarju i se jkun qed jintuża biex jintlaħqu aktar bajjiet u żoni tal-għawm
Investiment ta' €100,000 għal-makkinarju i se jkun qed jintuża biex jintlaħqu aktar bajjiet u żoni tal-għawm

Investiment ta' €100,000 sar fix-xiri ta' makkinarju ġdid li se jkun qed jintuża mid-Direttorat għat-Tindif biex jintlaħqu aktar bajjiet u żoni tal-għawm. Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi llum inawgura dan il-makkinarju ġdid u fakkar li d’dawn l-aħħar tliet snin, id-Direttorat investa €400,000 biex ikompli jimmodernizza l-flotta tiegħu.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru ħabbar li proprju minn din is-sena, ittieħdet l-inizjattiva ta’ tindif ta’ skart fil-baħar f’żoni tal-għawm. Għalhekk id-Direttorat investa f’dinghy biex jibdew jitnaddfu dawn iż-żoni bl-iskop li jkompli jonqos l-iskart minn fuq il-bajjiet. Id-dinghy se jintuża wkoll għall-ġbir ta’ annimali mejta fil-baħar, xi ħaġa li hija komuni ħafna fix-xhur tas-sajf.

"Barra minn hekk", żied jgħid il-Ministru, "id-Direttorat ħa ħsieb ukoll li jinvesti f’magna li taħsel il-wheelie bins, xi ħaġa ġdida għal pajjiżna. Din hija magna eco-friendly li meta tkun qed tiffunzjona ma twaqqax ilma mal-art filwaqt li l-ilma jirriċikla ruħu."

Permezz ta’ dan il-makkinarju ġdid, il-ħaddiema se jkunu jistgħu jaħslu l-kontenituri tal-iskart fuq il-post u mhux jittieħdu fil-bini tad-Direttorat.  Bħalissa hemm madwar  1,400 wheelie bin fuq il-bajjiet u se jkunu qed jiżdiedu b’500 oħra fil-ġranet li ġejjin.

Żdiedet ukoll bi tlieta, il-flotta ta’ vannijiet li se jkunu qed jintużaw ta’ kuljum mill-ħaddiema tad-Direttorat.

Il-Ministru saħaq li l-kampanja edukattiva li qed jagħmel id-Direttorat qed tħalli l-frott tagħha. Xhieda ta’ dan hija ż-żieda fil-frekwenza tat-tbattil tal-kontenituri tal-iskart fit-toroq tagħna kif ukoll fuq il-bajjiet, kif ukoll il-fiduċja fid-Direttorat. 

“Jidher fiċ-ċar li l-pubbliku qed japprezza l-ħidma li qed issir filwaqt li anke diversi Kunsilli Lokali qed jersqu lejn id-Direttorat biex jieħdu s-servizzi meħtieġa. Fil-fatt, qed naħsbu biex nakkomodaw iktar Kunsilli Lokali fit-talbiet tagħhom, però sabiex dan isir hemm bżonn ta’ iktar riżorsi umani u iktar makkinarji. Preżentament qed nagħtu għajnuna lil 17-il Kunsill Lokali u din l-għajnuna hi vvalutata għal iktar minn € 1.2 miljun,” żied jgħid il-Ministru.

Din is-sena jidher li se jerġa’ jkun hemm rekord ta’ ġbir ta’ skart. Filwaqt li fl-2015 kienu nġabru 15,000 tunellata ta’ skart, minn Jannar sa Ġunju ta’ din is-sena diġà nġabru 8,200 tunellata, 10% iktar mis-sena li għaddiet meta tqabbel mal-ewwel sitt xhur tas-sena ta’ qabel.

Il-Ministru rringrazzja lid-Direttorat, li sa ħames sigħat wara li ntemm il-kunċert tal-Isle of MTV, li għalih attendew 50,000 ruħ kienu diġà nġabru 9.5 tunellati ta’ skart. Il-Ministru fakkar li d-Direttorat għat-Tindif fil-ġranet li għaddew, ħa ħsieb ukoll li permezz tal-intervent tal-ħaddiema, tneħħew aktar minn 400 trakk b’tagħbija ta’ karozzi scrap, trakkijiet, white goods, tyres u materjal imħallat li kienu jifformaw parti minn żewġ scrapyards illegali u li kienu ġerħa fil-kampanja ta’ Birżebbuġa.

Fi tmiem il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Joe Mizzi qassam numru ta’ ċertifikati lil grupp ta’ ħaddiema, fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti Christopher Cutajar u d-Direttur Ramon Deguara.

More in Kronaka