Atmosfera ta' biża' u paniku fl-Isptar Ċiviku ta' Palermo hekk kif illum ġie rrapportat it-tieni każ ta' meninġite f'temp ta' jumejn. Tfajla ta' 22 sena qegħda tinżamm għall-kura ntensiva f'dan l-isptar fejn qed tiġi mogħtija l-kuri għal din il-marda.
F'każ ieħor separat, u b'suspetti kbar li anke dan huwa meninġite, ġuvni qiegħed jinżamm taħt osservazzjoni wara li ddaħħal l-isptar bl-istess sintomi tat-tfajla.
L-isptar ta' Palermo għamel kuntatt mal-familjari, ħbieb u kollegi taż-żewġ żgħażagħ, li ġew mitlubin imorru l-isptar biex isirulhom testijiet u jingħatawlhom xi antibiotiċi fil-każ li huma ġew ikkontaġġjati mill-marda.
Fl-14 ta' Ġunju li għadda, tfajla oħra ta' 23 sena, tilfet ħajjitha b'kaġun tal-meninġite hekk kif hi ukoll iddaħlet l-isptar b'emerġenza wara li ħarġula s-sintomi tal-marda fuq il-post tax-xogħol.