Il-miżbla qed terġa' tinten...

Jerġaw jidħlu rapporti ta' rwejjaħ jintnu fl-inħawi tal-Magħtab, Baħar iċ-Ċagħaq u anke fis-Salina u l-Qawra, li jidher li ġejjin mill-miżbla tal-Magħtab

Irrapportati rwejjaħ mill-landfill tal-magħtab
Irrapportati rwejjaħ mill-landfill tal-magħtab

Fil-ġranet li għaddew, ġew irrapportati rwejjaħ jintnu fl-inħawi tal-Magħtab, Baħar iċ-Ċagħaq u anke fis-Salina u l-Qawra, li jidher li ġejjin mill-miżbla tal-Magħtab wara żmien twil li ma kien hemm l-ebda rwejjaħ ġejji minn dawk l-inħawi.

F’seduta tal-parlament aktar kmieni din-il-ġimgħa, id- Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea, qajjem din il-kwistjoni mal-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, u talab jekk dan jistax jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni għal dawn l-irwejjaħ, u x'inhu jsir biex l-istess irwejjaħ jinqatgħu għal kollox, kemm minħabba r-riħa nnifisha, kif ukoll minħabba problemi ta' saħħa li jistgħu jinqalgħu?

B’risposta’ għal dan, il-Ministru Josè Herrera saħaq li kien infurmat bis-sitwazzjoni, u li l-każ kien qiegħed jiġi nvestigat.

Herrera informa lil Galea li minn sniff testing li tagħmel kull ġimgħa l-Wasteserv fl-akwati  tal-Magħtab, ikunu identifikati diversi sorsi ta’ rwejjaħ apparti dawk mill- engineered landfill tal-Għallis.

“Għaldaqstant, l-ilmenti mhux dejjem neċessarjament ikunu qed jirreferu għall-irwejjaħ mill-miżbla.”, tenna Herrera.

“Fil-perjodu tas-sajf, anke minħabba s-sħana u r-riħ isfel li ġeneralment jolqot il-pajjiż, kemm l-irwejjaħ mil-boroż taż-żibel is-suwed hekk kif jitwasslu fil-kumpless tal-Maghtab, kif ukoll mill-engineered landfill tal-Għallis, jiżdiedu.” qal Herrera, li konpla jispjega li “minħabba f’hekk, il-Wasteserv qed tieħu numru ta’ miżuri biex ittaffi dan l-inkonvenjent, fosthom żieda fid-daily cover u użu ta’ sistema ta’ odour neutraliser. Dan apparti il-moniteraġġ li jsir permezz ta’ sniff testing.

Herrera temm jgħid li “ladarba l-impjant tat-trattament tal-iskart tal-Malta North tiġi kkumissjonatha u mogħtija f’idejn il-Wasteserv, l-iskart fil-borża s-sewda ser jiġi ttrattat qabel ma jintrema fl-Għallis u allura l-irwejjaħ mistennija li jitnaqqsu b’mod konsiderevoli.”

 

Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, José Herrera għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea.

More in Kronaka