Ħadd ma weġġa' fi splużjonijiet f'Ħal Luqa

Sakemm saret l-evakwazzjoni, saru żewġ splużjonijiet oħra

Splużjoni f'pastizzerija f'Ħal Luqa ma tħalli l-ebda midrub, hekk kif il-pulizija intervjeniet f'waqtha u evakwat lir-residenti tal-madwar, qabel ma saru żewġ splużjonijiet oħra.

L-inċident seħħ dalgħodu għall-ħabta tas-2:00am, hekk kif il-Pulizija ta’ Ħal Luqa li kienu jinsabu fl-għassa, semgħu splużjoni ġejja minn barra.

Hekk kif il-Pulizija ħarġu mill-għassa, innutaw nirien f’pastizzerija li tinsab viċin fi Triq Sant’ Andrija. Fl-istess mumenti ġew innutati li x-shutter u t-tieqa tal-ħanut kienu nqalgħu aktarx bl-istess splużjoni u spiċċaw fit-triq.

Hekk kif raw dan, il-Pulizija bdew immedjatament jevakwaw kemm lir-residenzi li jinsabu fuq il-pastizzerija kif ukoll xi residenzi oħrajn li kienu fuq wara. Sakemm il-Pulizija kienet qed tagħmel dan l-eżerċizzju ta’ prekawzzjoni seħħew żewġ spluzzjonijiet oħra.

Fuq il-post issejjħet ambulanza sabiex tassisti xi feruti li seta’ kien hemm, iżda fortunatament, ħadd ma indarab.

Il-kawża tal-ispluzzjonijiet għadha mhijiex magħrufa.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka