Mara taħbat f'pulizija wieqaf fuq it-traffic lights

Il-mara baqgħet dieħla bil-karozza fil-mutur tal-Pulizija

Mara ta' 26 sena minn Ħaż-Żebbuġ, baqgħet dieħla bil-karozza tagħha f'pulizija li kien wieqaf fuq it-traffic lights bil-mutur tiegħu.

L-inċident seħħ waranofsinhar għall-ħabta tas-14:15, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien seħħ inċident stradali fi Triq Diċembru Tlettax, il-Marsa u li fih kien involut Pulizija.

Il-Pulizija mill-Għassa tal-Ħamrun marret immedjatament fuq il-post fejn hemmhekk ġie innutat li l-Pulizija huwa Surġent stazzjonat it-Taqsima tat-Traffiku. 

Mill-ewwel investigazzjonijiet jidher illi waqt li s-Surġent kien bil-mutur tas-servizz wieqaf fuq it-traffic lights seħħ impatt ma’ vettura tat-tip Daihatsu Sirion misjuqa minn mara ta’ 26 sena residenti Ħaż-Żebbuġ. Iż-żewġ vetturi kienu qegħdin jinstaqu direzzjoni lejn il-Belt Valletta. Kawża tal-impatt il-mutur u s-Surġent tkaxkru diversi metri.

Fuq il-post issejjħet ambulanza li ħadet lis-Surġent – raġel ta’ 34 sena residenti Paola – l-Isptar Mater Dei għall-kura medika, fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta' natura ħafifa.

Intant, karreġġjata minn Triq Diċemrbu Tlettax kienet tinsab magħluqa għat-traffiku.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka