Vox Pop | ‘Tmejlu bina darba digà… nisperaw li ma jerġgħux’
Tal-gabbani jitkellmu mal-ILLUM dwar il-futur tagħhom
More in Kronaka
Tal-gabbani jitkellmu mal-ILLUM dwar il-futur tagħhom
“Diġà tmejjel bina l-Gvern preċedenti dwar il-permessi, nispera li l-affarijiet ikunu differenti din id-darba.”
Dan qalu sid ta’ waħda mill-gabbani fid-daħla tal-Belt b’risposta għall-mistoqsijiet tal-ILLUM dwar il-proġett ta’ tisbieħ propost, li se jfisser li l-pjazza tat-tritoni se ssir waħda pedonali.
Kienet din il-gazzetta li żvelat kif dawn is-sidien irċevew ittra mingħand id-Dipartiment tal-Artijiet biex tinfurmahom li sa din il-ġimgħa kellhom jiżgumbraw iż-żona.
Minkejja dan, mal-ILLUM, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet, Deborah Schembri, qalet li bħalissa għaddejjin laqgħat li għandhom iwasslu għal soluzzjonijiet differenti għas-sidien preżenti tal-gabbani. Schembri żvelat ukoll kif il-proġett tal-pjazza se jinkorpora fih għaxar gabbani.
Diġà tmejjel bina l-Gvern preċedenti dwar il-permessi, nispera li l-affarijiet ikunu differenti din id-darba Sid ta' gabbana
Dan ma waqqafx lis-sidien tal-gabbani milli jesprimu r-rabja u sens ta’ inċertezza li jinsabu fih.
Negozjant li ilu 40 sena jaħdem fil-gabbana tiegħu saħaq ma’ din il-gazzetta li “filwaqt li l-proġett jista’ jkun viżwalment sabiħ, l-effett veru mhux se jkun fuq dawk li se jgawdu żona pedonali, iżda fuq nies bħali li ħa jitlfu l-ħobża tagħhom.”
Sid ta’ gabbana oħra li kien urtat ħafna dwar l-ittra ta’ żgumbrament, qalilna li “proġetti għandhom isiru għall-aħjar, mhux għad-detriment ta’ negozjanti,” li ddeskriva bħala “l-vittmi ta’ dan il-progress sfurzat li jridu għall-Belt.”
Impjegat f’waħda mill-gabbani stqarr magħna li minħabba din id-deċiżjoni, hu se jitlef l-impjieġ li ilu fih għal dawn l-aħħar snin. “Kif sid il-gabbana jiżgombra, niġi żġumbrat jien ukoll u nispiċċa mingħajr xogħol.” L-impjegat saħaq ukoll li s’issa, ħadd għadu ma jaf jekk il-permessi tas-sidien eżistenti humiex se jitmexxew għall-gabbani l-ġodda. “Li naf biss, li jien min hawn għall-ETC,” temm jgħid l-impjegat.
Is-sidien tal-gabbani li tkellimmna magħhom, kollha xtaqu jibqgħu anonimi. Sid wieħed partikolari saħaq li “wara nitkellmu aħjar, għax jekk nibqgħu b’xejn, inutli nitkellmu dwar x’naħsbu…”
L-ILLUM tkellmet ukoll ma’ xi nies dwar kif bidliet fid-dehra, u fil-loġistika tad-daħla tal-Belt jaffetwaw ukoll lil dawk li jaħdmu l-Belt jew jidħlu ta’ spiss fil-kapitali.
Malcolm Laudi, ħaddiem ta’ 37 sena, stqarr mal-ILLUM li l-Belt digà għanda limitazzjonjiet dwar il-parkeġġ ta’ vetturi privati, u għalhekk ħafna nies li jaħdmu l-Belt jagħżlu li jużaw it-trasport pubbliku. “Jekk il-venda tispiċċa ’l bogħod wisq minn Bieb il-Belt, jintilef il-vantaġġ li tuża’ tal-linja għax xorta tibla’ mixja biex tidħol għax-xogħol.” Debra Lee Coleiro, tfajla li taħdem il-Belt u tuża t-trasport pubbliku kuljum stqarret magħna li min jaħdem il-Belt, xejn ma jkun jaqbillu li l-venda tmur iktar ’il bogħod minn bieb il-Belt.
“Il-venda tkun komda aktar viċin tad-daħla tal-Belt, speċjalment filgħaxija meta tfajla bħali tkun trid timxi waħedha biex taqbad il-karozza,” qaltilna Coleiro.
Mistoqsija dwar x’jaħsbu dwar il-gabbani fid-daħla, kemm Malcolm u Debra Lee saħqu li “l-gabbani għandhom ikunu fid-daħla tal-Belt għal min ikun dieħel u ħiereġ biex jixtri xi ħaġa.”
Minbarra n-negozjanti u l-ħaddiema, ir-residenti tal-Belt ukoll jiġu milquta minn proġetti li jaffetwaw il-kapitali. Charles Azzopardi mill-Belt, jaqbel mal-proġett ta’ tisbieħ fid-daħla tal-Belt u jistqarr li “sakemm il-proġett huwa tajjeb għall-pajjiż, tajjeb li jsir. Bħala Belti, Charles huwa favur li d-daħla ssir pedonali għax skont hu, “it-toroq tal-Belt huma għan-nies, mhux għall-karozzi.”