Filmat | Mhux il-Wild West... iżda Ħal Balzan

Filmat fuq facebook juri rġiel armati fit-triq, jisparaw fuq il-ħamiem, waqt li hemm residenti għaddejjin mit-triq

Sparatura għall-Ħamiem f'Ħal Balzan
Sparatura għall-Ħamiem f'Ħal Balzan

 

Wara li fil-ġranet li għaddew, il-Kunsill Lokali ta' Ħal Balzan ħabbar attività fejn residenti tar-raħal ingħataw il-permess jisparaw fuq il-ħamiem li jinsabu fir-raħal.

Filwaqt li li l-Kunsill stqarr li dan l-eżerċizzju se jsir b'mod kontrollat u sikur, dalgħodu beda jiċċirkola filmat fuq facebook li juri sitwazzjoni kemmxejn simili ta' xi film dwar l-aħħar tad-dinja, fejn jidhru rġiel armati iduru fit-toroq ta' Ħal Balzan, jisparaw fuq il-ħamiem, fl-istess toroq fejn residenti tar-raħal ikunu qegħdin isuqu, jippassiġġaw u saħħansitra jkun hemm ukoll tfal jilgħabu.

Bosta kummenti ta' nies fuq l-istess sit soċjali qegħdin jikkundannaw din l-attività, b'numru ta' residenti jiddeskrivu l-atmosfera diżgustanti madwar ir-raħal fejn kien hemm anke min iddeskriva "demm mal faċċati tad-djar" u "ħamiem mejjet ma l-art kull fejn tgħaddi."

Din l-isparatura ġiet organizzata mill-Kunsill Lokali fid-dawl ta' erba' każi ta' persuni li ddaħħlu l-isptar b'infezzjonjiet ikkawżati mill-ħmieġ tal-ħamiem. Il-ħamiem qed jiġu kkunsidrati bħala pesti u trasportaturi ta' mard, tant li lanqa id-dipartiment tal-Animal Welfare, ma ħa pożizzjoni fuq din l-attività.

Il-Kunsill ta' Ħal Balzan saħaq li metodi alternattivi għall-isparatura ġew diskussi, iżda ebda wieħed ma rriżulta effettiv daqs din l-isparatura, li skont nies li kkummentaw fuq siti tal-midja soċjali, ġabet ir-raħal ta' Ħal Balzan qishu f'xi film tal-aħħar tad-dinja.

More in Kronaka