Frar ifawwar il-bjar... imma Ġunju għerriqhom

Maltempata f’Ġunju ġġib magħha l-akbar ammont ta’ xita li għamlet din is-sena

Maltempata f'Ġunju għamlet ix-xahar l-aktar wieħed li fih niżlet xita din is-sena
Maltempata f'Ġunju għamlet ix-xahar l-aktar wieħed li fih niżlet xita din is-sena

Is-sajf tal-2016 beda b’maltempata, li għamlet lil Ġunju x-xahar li fih niżel l-akbar ammont ta’ xita din is-sena, b'ammont ta' 32.8mm it-tieni l-akbar ammont li qatt niżel f’Ġunju mill-1923

Din il-maltempata tal-24 ta' Ġunju li għadda setgħet dehret bħala okkorrenza stramba għal dan iż-żmien tas-sena, iżda l-Uffiċċju Meteoroloġiku ddeskrivieha bħala maltempata tipika tal-bidu tas-sajf. Fil-fatt, is-sena li għaddiet maltempata simili laqtet lill-gżejjer lejn il-bidu t’Awwissu.

Ftit aktar minn 30mm tal-ammont totali tax-xita, 32.8mm, niżlu f’anqas minn 24 siegħa, meta fl-24 ta’ Ġunju l-gżejjer esperjenzaw maltempata tas-sajf.

It-temperaturi f'Ġunju tal-2016 kienu ogħla mis-soltu, bit-temperatura massima fil-11-il ġurnata tax-xahar taqbeż in-norma ta’ 28.6°C.

Tul ix-xahar sħiħ ta’ Ġunju, ix-xemx ħarġet għal 20 siegħa anqas mit-328 siegħa mistennijin għal dan iż-żmien tas-sena. L-aktar ġurnata mdawla kienet is-26 ta' Ġunju, meta x-xemx ħarġet għal ftit aktar minn 13-il siegħa.

Kemm it-temperatura medja tal-arja u kemm dik tal-baħar kienu kemxejn ogħla min-norma klimatika għal Ġunju, bit-temperaturi jilħqu massimu ta’ 36.2°C u 23.3°C rispettivament, fis-27 ta’ Ġunju.

L-aktar temperaturi baxxi tal-arja u tal-baħar ġew irreġistrati lejn il-bidu ta' l-istess xahar ukoll, u kienu 16.6°C u 19.9°C, rispettivament.

Fi tlitt ijiem separati kien hemm buffuri ta’ riħ li kienu aktar qawwijin minn 34 knot, li jikkorrespondu għal riħ ta’ Forza 8 fuq l-iskala Beaufort. Fis-17 tax-xahar ġiet irreġistrata buffura massima ta’ 41 knot li kienet ġejja min-Nofsinhar. 

More in Kronaka