Aktar kmieni dalgħodu, anzjan ta' 66 sena, li l-identità tiegħu ma tistax tixxandar biex ikunu mħarsa l-vittmi, ġie akkużat fil-Qorti li mill-2002, sa ftit ġimgħat ilu wettaq abbużi sesswali fuq tliet neputijiet tiegħu, kollha taħt l-età.
Dan ħareġ ftit tal-jiem ilu hekk kif wieħed mill-vittmi, li llum għandu 18-il sena, ra lil zijuh jieħu kunfidenzi ma tfal waqt okkażjoni familjari u ddeċieda li jirraporta l-abbuż li kien ġarrab hu disa' snin qabel, b'biża' li aktar tfal taħt l-età iġarrbu abbużi mingħand zijuh.
Aktar tard ħareġ ukoll li anke oħt il-vittma kienet abbużata mill-istess ziju meta hi kienet għada taħt l-età.
Fi stqarrija li kien ta lill-Pulizija, l-anzjan ammetta li kien ħa sehem f'attivitajiet sesswali ma' minorenni li jiġu minnhu, u ħareġ ukoll li f'xi okkażjonijiet anke z-zija tat-tfal kienet imġiegħla tipparteċipa f'atti sesswali mal-akkużat. Kemm iz-zija kif ukoll l-aħwa, dejjem beżgħu jirrappurtaw lill-abbużatur tagħhom.
L-ispettur John Spiteri qal fil-Qorti li waqt l-interrogazzjoni, l-akkużat ammetta li wettaq attivitajiet sesswali ma membri tal-familja taħt l-età, bl-aktar każ riċenti jkun fuq neputija ta' 8 snin, ftit tal-ġimgħat ilu biss.
L-imputat qiegħed jinżamm taħt arrest preventiv.