"Għidli darb'oħra li tħobbni", "Ċempilli", "Fejn Qiegħda?", huma fost il-messaġġi mibgħuta minn Marco Cirone lill-maħbuba tiegħu... u li hi qatt ma kienet se tirrispondi.
Dan għaliex il-maħbuba ta' Marco kienet Jolanda Inchingolo, minn Andria, waħda mit-23 vittma tad-diżastru ferrovjarju li seħħ ilbieraħ f'Bari, meta żewġ ferroviji ħabtu f'xulxin ras imb'ras u ħallew 23 persuna mejta, fosthom Jolanda, u ħafna aktar imweġġa' gravi.
Jolanda, ta' 25 sena, kienet infatti qiegħda tivvjaġġa fuq il-ferrovija biex tmur tiltaqa' mal-għarus tagħha Marco, li f'Settembru li ġej kellu jsir żewġha, wara sitt snin għerusija.
"Fejn qiegħda? Għidli li qed taqrah dan!" kiteb Marco, inkwetat għal Jolanda hekk kif sema' bl-inċident, u qabel ma kellu jmur jidentifika l-katavru tal-maħbuba tiegħu il-bieraħ filgħodu.
"Kella tkun l-omm tal-ulied tiegħi," tenna Marco lill-ġurnalisti barra mill-kamra mortwarja, wara li kien identifika lil Jolanda. "Kella xewqa waħda biss, dik li ssir omm" temm jgħid hu, "u min jaf kemm kienet tkun sabiħa."