159 vjaġġ aktar kuljum bil-karozzi tal-linja
Minn għada, se jibda jkun hemm 159 vjaġġ aktar kuljum bil-karozzi tal-linja
minn Ruben Anthony Xuereb
Minn għada, l-Ħadd 17 ta' Lulju, il-Malta Public Transport se tkun qed iżżid in-numru ta’ vjaġġi fuq sitt rotot li jagħtu servizz fiċ-Ċirkewwa, Buġibba u Tas-Sliema kif ukoll se tibda’ topera sitt servizzi speċjali msejjħin ‘Tallinja Direct’ f’dawn il-lokalitajiet u fl-ajruport.
B’hekk il-kumpanija ser tkun qed tipprovdi 159 vjaġġ aktar kuljum.
Rotta 212 bejn Tas-Sliema u Bugibba
Minn għada, se jkun hemm 23 vjaġġ aktar kuljum fuq ir-rotta popolari 212 bejn Tas-Sliema u Buġibba, li hi waħda mill-aktar rotot frekwentata fil-pajjiż.
Dan ifisser li tul il-ġurnata kollha se jkun hemm erba’ karozzi tal-linja kull siegħa bejn it-08:30 u t-20:30 fuq din ir-rotta minn flok tlieta.
Rotta 221 bejn iċ-Ċirkewwa u Bugibba
Ir-rotta 221 ta’ bejn iċ-Ċirkewwa u Buġibba ukoll se tkun qed tiżdied għal erba’ karozzi tal-linja kull siegħa minn flok tlieta bejn it-08:30 u s-19:30.
Aktar minn hekk, ser ikun hemm rotta ġdida addizzjonali tat-Tallinja Direct li toffri servizz bejn dawn iż-żewġ lokalitajiet.
Ir-rotta TD6 se topera kuljum kull siegħa :
Bejn il-11:00 u s-13:00 minn Buġibba għaċ-Ċirkewwa u
Bejn l-16:00 u t-20:00 miċ-Ċirkewwa lejn Buġibba.
Dan ifisser li Malta Public Transport se tkun qed topera 31 vjaġġ aktar kuljum bejn iċ-Ċirkewwa u Buġibba.
Rotta 41 bejn iċ-Ċirkewwa u l-Belt Valletta
Peress li ser tiżdied il-frekwenza fuq ir-rotta 41 ta’ bejn iċ-Ċirkewwa u l-Belt Valltta, ser ikun hemm sitt karozzi tal-linja kull siegħa minn flok erbgħa. Dan waqt il-ħinijiet meta tiżdied id-domanda, li huma bejn it-08:30 u 12:00 u bejn l-16:30 u s-19:30. Dan ifisser li se jkun hemm 21 karrozza tal-linja aktar kuljum fuq dawn ir-rotot.
Rotta 222 bejn iċ-Ċirkewwa u Tas-Sliema
Fuq ir-rotta 222, bejn iċ-Ċirkewwa u Tas-Sliema, il-frekwenza ser tiżdied għal erba’ karozzi tal-linja kull siegħa minn flok tlieta waqt il-ħinijiet meta tiżdied id-domanda, li huma bejn it-08:00 u 12:00 u bejn l-16:00 u t-20:00.
Żewġ rotot ġodda tat-Tallinja Direct ukoll se jibdew minn għada f’dawn il-lokalitajiet.
Ir-Rotta TD1, bejn l-Għadira u Tas-Sliema, se topera kuljum b’servizz kull siegħa :
Bejn il-11:00 u s-13:00 minn Tas-Sliema sal-Għadira, u
Bejn l-16:00 u t-20:00 mill-Għadira sa’ Tas-Sliema.
Ir-Rotta TD4, ben iċ-Ċirkewwa u San Ġiljan, se topera kuljum b’servizz kull siegħa :
Bejn l-10:30 u s-13:30 minn San Ġiljan għaċ-Ċirkewwa, u
Bejn it-15:30 u s-19:30 miċ-Ċirkewwa għal San Ġiljan.
Dan ifisser illi b’kollox ser ikun hemm 33 vjaġġ aktar bejn dawn il-lokalitajiet.
Rotta bejn Għajn Tuffieħa u Tas-Sliema
Se jkun hem ukoll 11-il vjaġġ aktar bejn Tas-Sliema u Għajn Tuffieħa. Il-frekwenza tal-karozzi tal-linja fuq din ir-rotta ser tiżdied mid-09:30.
Se jkun hemm ukoll rotta tat-Tallinja Direct, TD5, li se topera kuljum b’servizz kull siegħa :
Bejn l-10:30 u s-13:30 minn Tas-Sliema għal Għajn Tuffieħa u
Bejn l-16:30 u s-19:30 minn Għajn Tuffieħa għal Tas-Sliema.
Żewġ rotot ġodda
Hemm żewġ rotot oħra ġodda tat-Tallinja Direct li se jibdew joperaw bejn l-ajruport u Tas-sliema/San Ġiljan u Buġibba/ir-Rabat.
Rotta TD2 se tibda topera kuljum mill-ajruport lejn Tas-Sliema/San Ġiljan u lura kull siegħa bejn id-09:30 u l-22:30.
Rotta TD3 se tibda topera kull siegħa fiż-żewġ direzzjonijiet bejn l-09:40 u l-21:40 mill-ajruport lejn Buġibba u tgħaddi mir-Rabat.
B’kollox, ser ikun hemm 40 vjaġġ kuljum fuq dawn ir-rotot.
Is-servizzi tat-Tallinja Direct
It-Tallinja Direct huma servizzi speċjali ta’ matul is-Sajf li joffru l-passiġġiera mod biex jivvaġġaw f’anqas ħin.
Għal min jivjaġġa bl-Explore Card, li tiswa’ €21 u tagħti vjaġġi bla limitu għal ġimgħa sħiħa, m’hemmx aktar spejjeż.
Dawk li għandhom tallinja card iħallsu €2.00 għal kull vjaġġ fuq ir-rotot tat-Tallinja Direct, waqt li biljetti li jinxtraw minn fuq il-karozza tal-linja jiswew €2.50 għal kull vjaġġ.
Fuq talba tal-Awtorità tat-Trasport f’Malta, ser ikun hemm ukoll dan it-tibdil fir-rotot:
- Rotta 58A hija rotta ġdida li se tibda’ topera kull siegħa u tgħaddi minn Triq Psaila f’Birkirkara.
- Il-frekwenza fuq Rotta 58 (Valletta-Birkirkara) se tinbidel għal kull nofs siegħa waqt ħinijiet meta tiżdied id-domanda u kull siegħa fil-ħinijiet l-oħra.
- 103 (Bidnija - Naxxar) se testendi lejn Pembroke Park & Ride u b’hekk ikun hemm konnessjoni bejn Pembroke u Baħar iċ-Ċagħaq u n-Naxxar.
- Rotta 238 (Mgarr-Mater Dei) se testendi lejn San Ġwann u l-Belt Valletta, b’konessjoni ġdida bejn l-Imġarr u n-Naxxar u li se tipprovdi servizz ġdid lir-residenti tax-Xwieki lejn l-Isptar Mater Dei u l-Belt Valletta.
Minħabba dan it-tibdil fir-rotot, il-Journey Planner fuq is-sit publictransport.com.mt, li jinsab ukoll fuq it-tallinja app, mhux se jkun aċċessibbli għal xi ħin għada,l-Ħadd 17 ta’ Lulju 2016 waqt li jkun qed isir it-tibdil fil-mapep u r-rotot.