Anarkija fuq Kemmuna

Ikkunsidrati passi kontra żewġ ħaddiema involuti f’aċċident f’Kemmuna, b’vettura bla liċenzja

l-ILLUM tinsab infurmata li l-Pulizija mill-għassa tar-Rabat, Għawdex qed tikkunsidra li tressaq il-Qorti liż-żewġ persuni involuti f’inċident fuq Kemmuna, nhar is 7 ta’ Lulju li għadda meta l-vann li kienu qed isuqu, waqa’ għoli ta’ tliet metri għall-fuq il-moll qrib Blue Lagoon.

F’każ li dawn iż-żewġ żgħażagħ jitressqu l-Qorti, jittellgħu b’akkużi ta’ sewqan ta’ vettura mingħajr reġistrazzjoni, liċenzja u assigurazzjoni.

Jirriżulta li dawn iż-żgħażagħ ta’ 23 u 21 sena rispettivament li huma ta’ nazzjonalità Ingliża, huma ħaddiema fuq Kemmuna. Minbarra dawn, mhux eskluż li jitressaq ukoll is-sid tal-istess vettura, ladarba dan jiġi identifikat.

Fil-fatt, dak li seħħ Kemmuna minkejja li għall-ewwel kien trattat mill-Pulizija u anke mill-media lokali bħala inċident normali, issa qed ikun ikkunsidrat bħala wieħed li jista’ jikxef sitwazzjoni ta’ anarkija ‘free-for-all’ fuq il-gzira ta’ Kemmuna.

Is-sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta u li huma qrib tal-korp tal-Pulizija spjegaw kif iż-żewġ Ingliżi, flimkien ma dawk li jsuqu madwar 25 vettura oħra li tinstab fuq Kemmuna, qed jieħdu vantaġġ mis-sistema, li teżenta lil kull vettura użata fuq Kemmuna milli jkollha liċenzja, reġistrazzjoni u assikurazzjoni.

Minkejja li l-ILLUM għamlet mistoqsija ċara lill-Transport Malta, li hi l-awtorità responsabbli għar-reġistrazzjoni u liċenzjar tal-karozzi fit-toroq, dwar x’inhi l-prassi biex karozza tkun tista’ tinstaq fuq Kemmuna u jekk din għandhiex bżonn ikollha liċenzja u assikurazzjoni, din il-gazzetta baqgħet bla risposta. Għall-mistoqsija dwar l-inċident tal-ġimgħa l-oħra, din il-gazzetta ntalbet biss biex tirreferi l-mistoqsijiet tagħha lill-Pulizija.

Għalkemm l-ILLUM hija infurmata li ż-żewġ persuni involuti fl-inċident, jaħdmu fuq Kemmuna matul is-sajf, kemm il-lukanda ta’ Kemmuna, kif ukoll iċ-ċentru għall-għaddasa, ċaħdu jew inkella evadew milli jirrispondi l-mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta.

Ħadd ma jieħu responsabbiltà għall-vettura

Ir-riċerki ta’ din il-gazzetta biex tinkixef l-identità ta’ sid il-vettura, bdew mil-lukanda ta’ Kemmuna, fejn sar kuntatt mal-management tal-lukanda biex tinkiseb iktar informazzjoni dwar il-każ. Mal-ewwel attentat biex din il-gazzetta titkellem mad-direttur, dan ma kienx hemm, u filwaqt li l-persuna li tkellmet magħna ma xtaqitx tikkommeti ruħha b’risposti, din sostniet li l-vann żgur mhux tal-lukanda.

L-għada saret it-tieni telefonata lill-lukanda ta’ Kemmuna, fejn għalkemm id-direttur reġa’ ma kienx hem impjegata oħra tal-lukanda qalet li ż-żewġ Ingliżi huma impjegati maċ-ċentru għall-għaddasa li hemm biswit il-lukanda, u wisq probabbli anke l-vann huwa propjetà tal-istess ċentru. Hija saħqet ukoll li ċ-ċentru għall-għaddasa m’għandu ebda konnessjoni mal-lukanda għajr li jikru parti mill-proprjetà tal-lukanda.

Meta l-ILLUM ċemplet liċ-ċentru għall-għaddasa mmexxi mill-kumpanija Diveshack, irrisponda impjegat li fil-mument li sar jaf li qed jitkellem ma’ gazzetta, instema’ mifxul u beda jkun evażiv fi kliemu. Mistoqsi dwar jekk il-vann hux proprjetà taċ-ċentru u jekk iż-żewġ żgħażagħ Ingliżi humiex kollegi tiegħu, dan qal biċ-ċar li ma jridx ikellem gazzetti dwar dan il-każ u li hu mhux f’pożizzjoni li jagħti ebda risposta.

Huwa saħaq iżda, li kwalunkwe mistoqsija, għandna tiġi mressqa lill-uffiċċju prinċipali tal-kumpanija, li tinsab Malta.

Għaldaqstant, l-ILLUM għamlet telefonata lid-direttriċi taċ-ċentru tal-għaddasa f’Malta, li minflok irrispondiet għall-mistoqsijiet dwar jekk il-vann hux tagħhom u jekk l-Ingliżi humiex impjegati tal-kumpanija, hi staqsiet għal-liema raġuni din il-gazzetta qiegħda tinvestiga dan.

 

Mistoqsija jekk tikkonfermax jew tiċħadx l-involviment tal-kumpanija tagħha fl-inċident fuq Kemmuna, id-direttriċi ssuġġeriet li din il-kwistjoni “għandna nħalluha għaddejja” u wara ftit aktar insistenza min-naħa tal-gazzetta, hi saħqet li “ma tridx tikkummenta,” u qatgħet il-linja.

 

Minkejja diversi tentattivi l-ILLUM ma setgħetx tistabilixxi kuntatt ma’ sidien ta’ gabbani li joperaw fuq il-gżira ta’ Kemmuna.

 

 

 

 

More in Kronaka