Tard filgħaxija l-bieraħ, ġuvni Afgan ta’ 17 -il sena, li kien jgħix il-Ġermanja, attakka numru ta’ passiġġieri fuq ferrovija f’Wuerzberg, fil-Ġermanja permezz ta’ mannara u sikkina.
Xhieda tal-attakk, li ddeskrivew ix-xena bħala "massakru" saħqu mal-media tal-post li l-ġuvni “qam bilwieqfa, għajjat Allahu akbar u beda jxejjer il-mannara…”
Fl-attakk weġġgħu eba’ turisti minn Hong Kong, li tnejn minnhom jinsabu f’qagħda kritika u mara oħra ġiet midruba waqt li ż-żagħżugħ kien qiegħed jaħrab, qabel ma dan ġie mniżzel u maqtul minn tiri sparati mill-Pulizija.
Dan l-attakk seħħ biss ftit tal-ġranet wara l-attakk imdemmi f’Nizza li ħalla 84 persuna mejta.
Bħall f’Nizza, siti elettroniċi tal-Amaq, li huma assoċjati mal-Istat Iżlamiku (IS), dawn ħadu responsabbiltà ta’ dan l-attakk u sejħu liż-żagħżugħ Afgan bħala ġellied tal-IS.
Fi tfittxija fid-dar li kien jgħix fiha ma familja Ġermaniża, instabet bandiera tal-IS fil-kamra taż-żgħażugħ.
Il-Guvni ta’ 17 –il sena daħal bħala immigrant minorenni mill-Afganistan u ingħata l-istat ta’ refuġjat, filwaqt li peress li kien minorenni, ingħata l-opportunità jgħix ma familja Ġermaniża.
L-investiġaturi qegħdin jitkellmu u jieħdu informazzjoni mingħand il-foster family li laqgħet lill-ġuvni f’darhom.
Dan l-attakk żied aktar is-sentiment kontra r-refuġjati li ilhu jikber sew fil-Ġermanja sa mill-bidu ta’ din is-sena.