Ordnat iħallas multi kbar waqt li l-assi tiegħu kollha kkonfiskati

Traffikant tad-droga jingħata 13-il sena ħabs u €23,000 multa li diffiċli jħallas minħabba li l-assi tiegħu ġew kollha kkonfiskati.

L-akkużat ammetta li f'żewġ okkażjonijiet kien traffika 15-il kilo kannabis
L-akkużat ammetta li f'żewġ okkażjonijiet kien traffika 15-il kilo kannabis

Jason Farrugia, raġel ta’ 33 sena minn San Ġiljan, ammetta li f’żewġ okkażjonijiet traffika 15-il kilo droga kannabis.

Waqt l-arrest tiegħu fl-2011, minbarra l-15-il kilo kannabis, Farrugia kellhu wkoll 537 pillola ecstacy, bil-valur ta’ €5,155, flimkien ma’ 10 grammi kokaina, mistoħbijin fil-garaxx tiegħu, li flimkien ammontaw għal valur ta’ €97,000.

Għall-krimini tiegħu, Farrugia ingħata sentenza ta’ 13-il sena ħabs u multa ta’ €23,000 li jekk ma titħallasx fi żmien 12-il xahar, tiżdiedlu sena oħra ta’ ħabs mal-piena.

Huwa ingħata wkoll 15-il ġurnata ċans biex iħallas ammont ta’ €6,722 fi spejjeż tal-qorti, li mhux ħaġa faċli minħabba l-fatt li l-assi kollha tiegħu ġew ikkonfiskati.

L-imħallef Edwina Grima, qalet fil-qorti li l-akkużat wera impenn biex jinbidel u jpatti ta’ għemilu fiż-żmien li għamel arrestat minħabba l-ammont konsiderevoli ta’ droga li nstabet fil-pussess tiegħu.

Fil-qorti instema’ kif Farrugia ġab ruħu b’mod eżemplari fil-ħabs u ħa r-responsabbiltà tal-azzjonijiet kriminali li kien wettaq.

Minkejja dan, is-sentenza u l-kondizzjonijiet dwar il-multi, baqgħu irrevokabbli.

 

More in Kronaka