Ġurnata ta’ luttu nazzjonali fl-Afganistan

Fl-Afganistan, illum qegħda tiġi osservata ġurnata ta’ luttu nazzjonali wara l-attakk suwiċida tal-bieraħ

Ġurnata ta' luttu nazzjonali fl-Afganistan kollhu, b'suffraġju għall-vittmi ta' Kabul
Ġurnata ta' luttu nazzjonali fl-Afganistan kollhu, b'suffraġju għall-vittmi ta' Kabul

Wara l-attakk suwiċida f’Kabul, li ħalla 80 persuna mejta u 230 midruba, illum fl-Afganistan kollhu qegħda tiġi osservata ġurnata ta’ luttu nazzjonali b’suffraġju għall-vittmi.

L-attakk li seħħ permezz ta’ bombi suwiċidi, li splodew lilhom infushom qalb folla f'nofs manifestazzjoni ta’ musulmani Shiti, jidher li għal darb’oħra huwa xogħol l-Istat Iżlamiku (IS), li fil mira tiegħu hemm ukoll il-minoranzi Musulmani li ma jaqblux mal-folosofiji ta’ dan il-grupp terroristiku.i

F’appell fuq l-istazzjon televiż nazzjonali Afgan, il-President Ashraf Ghani ħalef se jpattiha lil dawk responsabbli ta’ dan l-attakk.

Tadamichi Yamamoto, mexxej tal-missjoni tal-Ġnus Maqgħuda (UN) fl-Afganistan, iddeskriva dan l-attakk bħala “krimini tal-gwerra”, u saħaq li l-attakkanti kellhom speċifikament fil-mira tagħhom nies ċivili li ma setgħux jiddefendu ruħhom.

L-IS għanda preżenza fl-ilvant tal-Afganistan, iżda din hija l-ewwel darba li bagħtet tlett ġellida minn tagħha jisplodu lilhom infushom fil-kapitali Kabul.

Mit-tlett bombi suwiċidi, wieħed biss irnexxielu jisplodi lilhu nnifsu qalb il-folla, filwaqt li l-bomba tat-tieni wieħed ma splodietx u t-tielet attakkant laħaq ġie maqtul mill-forzi tas-sigurtà qabel dan irnexxielu jisplodi lilhu nnifsu.

Wara l-attakk, bdew jinġabru l-ħwejjeġ tal-vittmi biex jagħarfuhom il-qraba
Wara l-attakk, bdew jinġabru l-ħwejjeġ tal-vittmi biex jagħarfuhom il-qraba

Waqt it-tħabbit ta’ ġurnata ta’ luttu nazzjonali, il-President Ghani saħaq li protesta paċifika bħal dik li kienet qed tagħmel il-minoranza tax-Shiti Hazaras, kienet legali u parti mid-drittijiet ta’ kull ċittadin Afgan.

Ghani temm jgħid li “jwiegħed li se jpattiha lil dawk responsabbli tal-attakk.”

 

More in Kronaka