Qassis ta' 84 sena, Fr. Jacques Hamel kien il-vittma ta' aggressjoni mdemmija, hekk kif raġel b'konnessjonijiet mal-Istat Iżlamiku (IS) ħanxarlu għonqu, wara li kien żamm lilhu, żewġ sorijiet u żewġ parroċċjani ostaġġi fil-knisja ta' Saint-Etienne-du-Rouvray, li tinsab f'raħal fin-Normandija, fit-tramuntana ta' Franza.
Il-Ġurnal 'Le Figaro' rrapporta li wieħed miż-żewġ agressuri nvoluti, għajjat "Daesh" u mbgħad ħanxar għonq il-qassis, qabel ma dan ġie mwaqqaf b'tiri sparati mill-Pulizija. L-agressur l-ieħor ġie maqtul ukoll ftit wara.
Wieħed mill-ostaġġi l-oħra midruba fl-agressjoni jinsab f'qagħda kritika.
Il-President Francois Hollande saħaq li ż-żewġ agressuri stqarru li kienu jagħmlu parti mill-grupp li jsejjaħ lilhu nnifsu Stat Iżlamiku (IS).
Waqt diskors f'Saint-Etienne-du-Rouvray, Hollande qal li l-agressuri wettqu "qtil ta' beżżiegħa" u li Franza se tiġġieled l-IS b'kull mezz possibli.
L-aġenzija tal-aħbarijiet b'konnessjonijiet mal-IS, l-Amaq stqarret ftit wara l-attakk li "żewġ suldati tal-Istat Iżkamiku wettqu l-attakk."
Intant, il-Papa Franġisku kkundanna l- "l-uġiegħ u l-orrur ta' din il-vjolenza assurda."
Dan l-attakk seħħ ftit jiem biss wara l-massakru ta' Jum il-Bastilja, f' Nizza, li ħalla 84 persuna mejta, u sensiela ta' attakki oħrajn fil-Ġermanja f'dawn l-aħħar jiem.
Aktar dettalji jingħataw hekk kif ikunu disponibbli