Raġel jaqa' f'bir u nirien jaħkmu residenza f'Ħal Għaxaq

L-ebda persuna ma weġġgħet fin-nirien iżda ġie salvat kelb li kien fir-residenza, waqt li l-qattus ma salvax

Residenza f'Ħal Għaxaq, iktar kmieni dalgħodu nħakmet minn nirien li fiha ma kien hemm l-ebda persuna. Minkejja dan, kien hemm kelb u qattus fir-residenza li minkejja li pruvaw jiġu salvati, l-qattus miet, waqt li l-kelb inħareġ.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10:45am meta l-pulizija kienet tinsab fl-istess lokalità minħabba każ ieħor, u ġew infurmati li kien hemm bżonn l-assistenza tagħhom din id-darba fi Triq Dawret Ħal Għaxaq. Xi persuni kienu innutaw xi duħħan ħiereġ minn ġewwa garaxx ta’ residenza u ċemplu fuq in-numru tal-Emerġenza 112. Il-Pulizija marret b’mod immedjat fil-lok indikat lilha fejn iltaqgħet mal-membri tal-Protezzjoni Ċivili li immedjatament bdew bil-ħidma tagħhom sabiex jitfu n-nirien. F’dan l-incident kien il-garaxx biss li ġarrab xi danni, għalkemm id-dħaħen infirxu mad-dar kollha.

Konsegwenza ta’ dan, għalkemm ebda persuna ma kienet fir-residenza dak il-ħin u ħadd ma sofra griehi, kien hemm qattus u kelb, b’tal-aħħar jiġi salvat mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili filwaqt li l-qattus laħaq miet.

Iktar kmieni, fl-istess lokalità, għall-ħabta tad-9:30am raġel li kien qed jagħmel xi xogħlijiet fil-bir tar-residenza tiegħu weġġa' gravi wara li nkiser is-sellum li kien qiegħed fuqu. L-inċident seħħ fi Triq il-Lellux, Ħal Għaxaq, fejn raġel ta’ 62 sena li jgħix fl-istess residenza, kien nieżel ġol-bir sabiex jagħmel xi xogħolijiet fih. Waqt li huwa kien nieżel ġol-bir, li dak il-ħin kien vojt, inkiser is-sellun. Ir-raġel, għalkemm weġġa’, tela’ waħdu minn ġol-bir.

Fuq il-post issejħet Ambulanza sabiex tieħu lil din il-persuna għall-kura medika u ftit wara huwa ġie ċċertifikat li kien qiegħed jsofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.

 

More in Kronaka