Aktar tard illum, il-Papa Franġisku se jżur is-sit tal-kamp tal-konċentrament Nażżist ta’ Auschwitz-Birkenau, fil-Polonja minn fejn se jindirizza n-nies u jitlob magħhom.
Il-Papa Franġisku se jkun it-tielet Papa li se jżur is-sit tal-kamp tal-konċentrament fejn aktar minn miljun Lhudi kienu ġew maqtula taħt ir-reġim Nażżist fit-tieni ġwerra dinija.
Wara mixja fis-silenzju madwar il-kamp fejn ittieħdet l-ħajja ta’ miljuni, il-Papa se jiltaqa’ ma xi nies li salvaw minn Auschwitz u għadhom ħajjin illum, kif ukoll ma numru ta’ Pollakki li fiż-żmien it-tieni gwerra irriskjaw ħajjithom biex jgħinu lill-Lhud u jaħbuhom minn Nażżisti
Bid-differenza taż-żewġ Papiet ta’ qablu, li tkellmu dwar l-orruri li seħħew fil-kamp waqt il-gwerra, Franġisku se jagħżel li jimxi u jitlob fis-silenzju filwaqt li jħares lejn it-tifkieriet koroh li hemm eżebiti, fosthom il-munzell ta’ żraben ta’ tfal li kienu maqtula f’Auschwitz.
Din iż-zjara ta’ ħamest ijiem tal-Papa fil-Polonja, hija parti mill-anniversarju tal-1,050 sena li l-Polonja addottat il-Kristjaneżmu.
Waqt iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum iż-żgħażagħ fil-belt ta’ Krakov, il-papa ħeġġeġ is-solidarjetà u l-kompassjoni lejn l-immigranti; ħaġa li bħalissa hija ta’ konflitt mat-twemmin tal-gvern tal-lemin tal-Polonja, li huwa kontra l-immigrazzjoni.