Liċenzji għal 1 horse power

€45 fis-sena għal-liċenzja ta' karrozzin...€10 għal żiemel li jintrikeb fit-triq

Minn Settembru ta’ din is-sena, is-sidien taż-żwiemel, karozzini u żwiemel bis-serkin, se jibdew ikunu liċenzjati biex isuqu fit-toroq u bl-istess mod bħall-karozzi, irid ikollhom polza tal-assikurazzjoni valida li tkoprihom f’każ ta’ inċidenti fit-triq.

Transport Malta qalet li sa minn issa, digà bdiet tilqa’ applikazzjonijiet għal-liċenzji għall-użu u s-sewqan fit-triq ta’ annimali u vetturi miġbuda minnhom. Infatti, Transport Malta qed tħeġġeġ lil kull min huwa interessat sabiex japplika sa Settembru ta’ din is-sena biex ikun regolarizzat.

Bħalissa, bir-regoli li daħlu fis-seħħ minn Frar li għadda, u li kienu ġew żvelati minn din il-gazzetta f’Settembru tas-sena li għaddiet, ma jistgħux jinstaqu żwiemel f’toroq arterjali u prinċipali bejn is-7:00 u 9:00 u bejn l-16:00 u 18:00.

Dawn ir-restrizzjonijiet ma japplikawx nhar ta’ Sibt, Ħdud, fil-festi pubbliċi.

Wara l-liċenzjar, ir-restrizzjonijiet se jibqgħu japplikaw għal kull min jagħmel użu minn annimal jew vettura miġbuda minn annimal fit-triq (bħal żwiemel tal-irkib, srieken u xrieret) minbarra karozzini, żwiemel tal-Pulizija u żwiemel li jieħdu sehem f’parati militari.

TM qalu wkoll li dawn l-annimali se jkunu qed iġorru wkoll tip ta’ pjanċi ta’ reġistrazzjoni, simili għal dak li nsibu fuq il-karozzi fit-toroq. Dan, tisħaq l-awtorità, se jwassal biex jiġi faċiltat l-infurzar, għaliex il-vetturi u l-annimali jistgħu jiġu aktar faċilment identifikati.

Jekk karozza tkun involuta f’inċident ma’ karozzin jew serkin issa mhux se tibqa’ sitwazzjoni fejn l-assikurazzjoni ma tkoprix il-ħsarat li ġġarrab il-karozza, u lanqas se jibqa’ l-każ li sid iż-żiemel u l-vettura miġbuda minnu jibqa’ b’xejn ukoll. Hekk kif anke żwiemel u vetturi miġbudin minn żwiemel ikunu liċenzjati u assikurati, il-proċedura issa tiġi identika bħal f’każ ta’ incident bejn żewġ karozzi, fejn issa ż-żewġ partijiet involuti se jkunu koperti minn assikurazzjoni.

Madwar €45 fis-sena għal-liċenzja ta’ karozzin

Il-prezzijiet tal-liċenzji għall-annimali u vetturi miġbuda minnhom, jidher li mhux se jkunu prezzijiet li s-sidien taż-żwiemel għandhom iħossu iebsin jew inġusti fuqhom. Infatti, sewwieq ta’ karrozzin, li jaqa’ taħt il-kategorija A, se jibda jħallas €20 fis-sena għal-liċenzja tas-sewqan u €25 fis-sena għar-reġistrazzjoni tal-vettura u ż-żiemel tiegħu.

Il-liċenzja speċjali tat-tip B, li hija ogħla minn dik għall-karozzini, tkopri s-sewqan ta’ vetturi li jintużaw għall-ġarr ta’ passiġġieri b’kiri jew b’kumpens li ma jkunux karozzini, u għall-karrijiet tal-mejtin li jinġibdu minn żiemel. Il-liċenzja tas-sewqan għal din il-kategorja se tkun tiswa €13, u tiġġedded kull sena b’€4. Bid-differenza tal-karozzini, il-pjanċa u r-reġistrazzjoni għal dawn il-vetturi se tkun tiswa €75 fis-sena.

Il-liċenzja Ċ tkopri s-sewqan ta’ karrettuni u vetturi oħra li jintużaw għall-ġarr ta’ oġġetti jew minn bejjiegħa fit-triq. Bħall-kategorija B, il-liċenzja tas-sewqan għal din il-kategorja se tkun tiswa €13, u tiġġedded kull sena b’€4, mentri l-pjanċa u r-reġistrazzjoni se tkun tiswa biss €20 fis-sena.

Is-serkini se jaqgħu taħt il-liċenzja D bħala vetturi miġbuda minn annimal għall-użu privat jew rikreattiv. Il-ħruġ ta’ liċenzja tat-tip ‘D’ għal vettura waħda biss se jkun jiswa €5, filwaqt li għal aktar minn vettura waħda, jiġu mħallsa €10. Il-pjanċa bin-numri ta’ identifikazzjoni għal liċenzja ta’ serkin se tkun tiswa €12 fis-sena.

Għal żiemel li jintrikeb fit-triq, mingħajr ma dan ikun qed jiġbed ebda vettura, trid tiġi mħallsa liċenzja ta’ €10 fis-sena.

Triq tieħu kors u tġħaddi minn test biex tieħu l-liċenża għal żiemel

Sabiex persuna tikkwalifika għal-liċenza tas-sewqan għaż-żwiemel, din trid tattendi kors u anke tagħmel eżami, bl-istess mod kif isir għall-liċenzja tal-karozza. Kemm il-kuċċiera tal-karozzini kif ukoll dawk li jsuqu xi karrettun jew serkin, iridu jattendu kors approvat mill-Awtorità li fih jiġu mħarrġa fit-tindif, trattament, tagħmir, nutriment u saħħa tal-annimal, kif ukoll għarfien bażiku ta’ l-ewwel għajnuna fuq l-annimali. Barra mill-kura tal-annimal, fil-kors jingħata wkoll taħriġ dwar l-operat ta’ vetturi miġbudin minn annimali.

It-test, magħmul mill-Awtorità, jkun jinkludi tgħarif dwar il-kodiċi tat-traffiku fit-triq. Persuna li diġà jkollha liċenzja tas-sewqan valida għall-vetturi bil-mutur tissodisfa dan ir-rekwiżit.

Fil każ tal-kuċċiera tal-karrozzini, il-kors u t-test tagħhom jinkludi wkoll tagħrif ġenerali dwar l-imġiba mal-klijenti.

Bħas-sewwieqa tal-karozzi u muturi, ladarba liċenzjati, is-sewwieqa tal-karozzini u vetturi oħrajn miġbudin minn annimali se jkunu obbligati bil-liġi li jiġu penalizzati għal diversi offiżi u nuqqasijiet tal-kodiċi tat-traffiku jew tal-kundizzjonijiet stipulati fil-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan il-ġdida.

More in Kronaka