Bosta persuni li ilhom isuqu l-muturi tagħhom fit-toroq Maltin għal snin sħaħ, issa qed jaħtfu l-opportunità li jagħmlu l-liċenzja tal-mutur b’ċilindrata baxxa sa 125cc permezz tal-iskema l-ġdida mħabbra fil-baġit tas-sena li għaddiet, u b’hekk qed jirregolarizzaw ruħhom.
Dan qalu mal-ILLUM John Mamo, direttur ta’ kumpanija tat-tagħlim ta’ sewqan tal-mutur għal dawn l-aħħar 30 sena, u bejjiegħ ewlieni tal-muturi lokalment, li sostna kif ammont ta’ persuni li kienu qegħdin isuqu muturi żgħar minkejja li ma kellhomx liċenzja, issa qed jagħmlu dawn il-korsijiet sabiex isuqu bil-permess. “Kellna ħafna nies li kienu ilhom isuqu l-muturi tagħhom, għal snin twal, uħud minnhom anke 15-20 sena, u permezz ta’ din l-iskema ddeċidew li jirregolarizzaw ruħhom.”
Mamo kompla jispjega li hemm diversi raġunijiet għalfejn dawn il-persuni ma jkunux applikaw mill-ewwel sabiex jiksbu l-liċenzja A1, li ilha teżisti snin sħaħ. “Jista’ jkun li dawn in-nies kienu jibżgħu jagħmlu t-test, u anke forsi kienu jarawh li jieħu wisq żmien, jekk diġà jkunu jafu kif isuqu,” kompla jgħid John Mamo. Dan għaliex dan il-permess il-ġdid jirrikjedi biss għaxar sigħat kors, waqt li l-liċenzja ordinarja titlob li s-sewwieq jitla’ għat-testijiet tal-prattika u tat-teorija wkoll, bil-proċess jieħu medja ta’ xahrejn jew tliet xhur.