Ħsara fil-makkinarju għall-inżul, li minnhu jagħmlu parti r-roti tal-ajruplan, segħet kienet il-kawża tal-ħsara li minħabba fiha l-ajruplan tal-linja Emirates, kraxxja waqt l-inżul fl-ajruport ta’ Dubai, nhar l-erbgħa li għaddew. Dan ħareġ minn investigazzjoni preliminari li qegħda ssir minn esperti tal-avjazzjoni.
L-ajruplan tat-tip Boeing 777, inħakem mid-dħaħen u ħa n-nar, hekk kif kraxxja waqt l-inżul tiegħu fl-ajruport ta’ Dubai. Minn ritratti u filmati li ħarġu wara l-inċident, jidher li l-ajruplan ma laħaqx jew ma rnexxielux inizżel ir-roti sabiex ikun jista’ jinżel b’mod korrett.
Filwaqt li t-torri tal-ajruport ta’ Dubai ma rċieva ebda dikjarazzjoni ta’ emerġenza jew talba għal-għajnuna mingħand il-bdoti tal-ajrupjan, mumenti qabel l-inżul, kien it-torri nnifsu li fakkar lill-ekwiġaġġ tat-titjira EK521, biex iniżżlu r-roti.
Ir-roti baqgħu ma niżlu qatt u nfatti l-ajrupjan niżel fuq żaqqu. Minħabba f’hekk qed tiġi nvestigata l-possibiltà ta’ ħsara fil-makkinarju tal-inżul bħala kawża tal-inċident.
Il-passiġġieri ġew evakwati kollha, iżda sfortunatment, wieħed mill-pumpiera li kienu qed jitfu’ n-nar tilef ħajtu.
L-istess ajrupjan kien Malta nhar it-Tlieta, qabel telaq lura lejn Dubai. L-inċident seħħ wara li l-istess ajruplan irritorna Dubai wara titjira mill-Indja.