Għall-ħabta tas-14:10, il-Pulizija ġiet infurmata li raġel ta’ 55 sena residenti Kerċem indarab gravi f’sit ta’ kostruzzjoni ġewwa Triq l-Għaxra ta’ Marzu 1885, Kerċem, Għawdex.
Il-Pulizija tad-Distrett marret fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li r-raġel waqa’ minn għoli ta’ madwar tmien filati minn fuq fallakka, waqt li kien qiegħed jagħmel xi xogħlijiet fl-istess sit.
Ir-raġel ittieħed b’ambulanza lejn l-Isptar Ġenerali t’Għawdex fejn ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji tant li jinsab fil-periklu tal-mewt.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr. P Coppini, li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja.