Jiċħdu l-allegazzjonjiet ta' negliġenza f'San Vinċenz

L-allegazzjonijiet ta' negliġenza fit-trattament tal-anzjani f’San Vinċenz de Paul li għamel Denis Tanti qed jiġu miċħuda...

Denis Tanti
Denis Tanti

Il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Socjali u s-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, kif ukoll is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru u l-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul jiċħdu bil-qawwa kollha l-allegazzjonijiet infondati li għamel is-sur Denis Tanti.

Ġie nnotat kif Tanti għażel li jirrepeti allegazzjonijiet li dwarhom diġà għaddejja investigazzjoni min-naħa tal-Ombudsman wara li l-istess Tanti kien irrefera l-istess allegazzjonijiet tiegħu lill-Ombudsman.

Il-Ministeru u s-Segretarjat Parlamentari, kif ukoll is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru u l-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul, qegħdin jikkollaboraw bis-sħiħ f'din l-investigazzjoni dwar l-allegazzjonijiet magħmula minn Denis Tanti u qegħdin jistennew l-eżitu tal-istess investigazzjoni.

Is-Segretarju Permanenti u l-Kap Eżekuttiv tal-SVPR jgħidu li r-realtà hija li huma dejjem għamlu l-investigazzjonijiet meħtieġa fuq kull każ li jinqala’, skont il-merti tiegħu u skont il-proċeduri opportuni, u fejn kien hemm ħtieġa ttieħdu passi inkluż dixxiplinarji quddiem il-bordijiet kompetenti.

Tajjeb ukoll li jkun ippreċizat li mhux minnu li Denis Tanti kien impjegat bħala advisor imma kien impjegat fuq bażi ta’ kuntratt definit bħala infermier permezz ta’ strument ta’ delega datat 4 ta’ April 2009, li bih is-Segretarji Permanenti jistgħu jingaġġaw jew jerġgħu jingaġġaw infermiera irtirati sal-eta’ ta’ 65 sena fuq kuntratt definit għal mhux aktar minn 42 xahar.

Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-SVPR, minħabba li hija consultant GP mal-Gvern, għandha dritt għal prattika privata skont il-provedimenti tal-ftehim kollettiv bejn il-Gvern u l-MAM iffirmat fi Frar 2013.

Il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali u s-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, kif ukoll is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru u l-Kap Eżekuttiv ta’ San Vincenz de Paul jirriservaw id-dritt li jieħdu kull passi stabbiliti quddiem dawn l-allegazzjonijiet.

More in Kronaka