Żagħżugħ ta' 27 sena miż-Żurrieq jinsab fil-periklu tal-mewt wara li lbieraħ filgħaxija kien involut f'inċindent tat-traffiku bil-mutur li kien qed isuq, fejn dan ħabat ma' karozza fil-Mellieħa, hu u sejjer lejn Għawdex.
Il-każ seħħ ilbierah filgħaxija għall-ħabta tal-għaxra, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident tat-traffiku fi Triq il-Marfa, il-Mellieħa.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li għal xi raġuni kienet seħħet ħabta head-on bejn mutur tat-tip Yamaha u karozza tat-tip Volkswagen.
Jidher li l-karozza kienet qiegħda tinstaq fid-direzzjoni lejn il-Mellieħa minn mara ta’ 45 sena, residenti l-Mosta, filwaqt li l-mutur, misjuq minn raġel ta’ 27 sena, residenti ż-Żurrieq, kien sejjer lejn il-vapur t’Għawdex.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel lejn l-Isptar Mater Dei għall-kura. Iktar tard huwa ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.
Il-mara ta’ 45 sena ma sofriet l-ebda ġrieħi.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata. Għal xi ħin, parti mit-triq fid-direzzjoni lejn il-vapur t’Għawdex tinsab magħluqa għat-traffiku.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.