Tal-gabbani jingħataw nifs...sa Settembru

Deborah Schembri tiltaqa’ mas-sidien kollha wara l-ittra ta’ żgumbrament żvelata fuq l-ILLUM

Fiż-żmien li ġej mistenni jintlaħaq qbil bejn il-Gvern u s-sidien tal-gabbani li hemm fid-daħla tal-Belt Valletta. Fil-fatt, din il-gazzetta hija nfurmata li dan jista’ jseħħ hekk kif is-Segretarju Parlamentari responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet Deborah Schembri kellha laqgħat ma’ kull wieħed minn dawn is-sidien.

Għalkemm kelliema għas-Segretarjat Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikar Amministrattiv ma xtaqitx tidħol fid-dettal dwar il-propostali saret lil tal-gabbani, din il-gazzetta tinsab infurmata li fil-fatt ma’ Schembri s-sidien tal-gabbani qablu li jibqgħu fil-post sa Settembru. Dan wara li l-istess sidien kienu ordnati jiżgumbraw miż-żona f’ittra mibgħuta mid-Dipartiment tal-Artijiet.  

L-ILLUM hija infurmata wkoll li fil-laqgħat li saru, Schembri serrħet ras dawk li joperaw il-gabbani, li se jkunu inkorporati mal-proġett li se jsir madwar il-funtana tat-Tritoni.

Kienet l-ILLUM li żvelat kif tal-gabbani kienu rċevew ittra ta’ żgumbrament mill-post, wara li kienu bdew jiġu finalizzati l-aħħar pjanti għall-proġett tad-daħla tal-Belt li se jkun qed ibiddel il-pjazza ta’ madwar it-Tritoni f’waħda pedonali. L-ILLUM kienet żvelat ukoll kif kuntrarjament għall-pjani oriġinali, l-proġett tal-pjazza se jinkorpora għaxar gabbani.

Mal-ILLUM numru ta’ sidien tal-gabbani jew impjegati tagħhom kienu esprimew il-biżà li din iċ-ċaqliqa tista’ tfisser it-telf tal-impjieg tagħhom, oħrajn kienu esprimew ruħhom hekk; “diġà tmejjel bina l-Gvern preċedenti dwar il-permessi, nispera li l-affarijiet ikunu differenti din id-darba.” 

More in Kronaka