Bomba li splodiet fi sptar fil-belt ta’ Quetta, fil-Pakistan, ħalla 63 persuna mejta u madwar 120 oħra midruba.
Il-bomba, li l-Pulizija qegħdin jissuspettaw li kienet sploduta minn terrorista suwiċida, splodiet fl-entrata tad-dipartiment tal-emerġenza fejn dak il-ħin kien qiegħed jiddaħħal il-ġisem ta’ avukat prominenti li kien inqatel aktar kmieni matul il-ġurnata. Infatti, ħafna mill-vittmi kienu avukati u ġurnalisti li kienu qed jakkumpanjaw il-ġisem ta’ Bilal Anwar Kasi, li nqatel b’tiri ta’ arma tan-nar fi triqtu lejn il-qorti ta’ Quetta it-Tnejn filgħodu.
Wara l-isplużjoni, nstemgħu wkoll xi tiri ta’ armi tan-nar, li jżidu s-suspetti li dan kien attakk terroristiku pjanat, li s’issa ħadd għadu ma ħa responsabiltà tiegħu.
F’dawn l-aħħar ġimgħat saru numru ta’ qtil fi Quetta minn grupp ta’ separatisti, fejn il-maġġorparti tal-vittmi kienu avukati. Infatti, Kasi kien ikkundanna u tkellem kontra dawn l-attakki u kien għadu kemm ħabbar boycott ta’ jumejn mis-sessjonijiet tal-qorti bi protesta għall-qtil ta’ xi kollegi tiegħu.