Għall-ħabta tal-ħamsa 05:00 ta' dalgħodu, il-Pulizija ġiet infurmata li kien seħħ inċident stradali fi Triq Durumblat, il-Mosta.
Mill-ewwel stħarriġ li sar fuq il-post, irriżulta li vettura tat-tip Toyota Vitz għal xi raġuni kellha impatt ma’ ħajt. Jidher li l-vettura kienet qiegħda tinstaq fid-direzzjoni lejn Ħ’Attard minn żagħżugħ ta’ 21 sena, residenti l-Pieta`.
Flimkien mas-sewwieq kien hemm ukoll passiġġiera – tfajla ta’ 17-il sena residenti Ħad-Dingli.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lit-tfajla l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn aktar tard ġiet iċċertifikata li tinsab fil-periklu tal-mewt
Iktar tard il-ġuvni ta’ 21 sena wkoll ittieħed l-isptar minn xi qraba.Il-kundizzjoni tiegħu għada mhux magħrufa.
Inċident separat ieħor seħħ fi Vjal Santa Luċija kantuniera ma’ Triq il-Labour, il-Marsa, għall-ħabta tal-ħamsa u kwart 05:15 ta’ dalgħodu.
Fuq il-post, il-Pulizija sabet li kient seħħet ħabta bejn żewġ vetturi tat-tip Vauxhall Corsa misjuqa minn raġel ta’ 23 sena residenti l-Fgura u Hyundai Accent misjuqa minn raġel ta’ 52 sena li joqgħod iż-Żejtun.
Flimkien mar-raġel ta’ 52 sena kien hemm ukoll mara ta’ 46 sena wkoll residenti ż-Żejtun li ttieħdet l-Isptar Mater Dei għall-kura. Il-kundizzjoni tagħha għadha mhux magħrufa.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha rigward dawn iż-żewġ inċidenti.