Kmieni fis 7:30 ta’ dalgħodu, l-Pulizija ġiet infurmata li kienet għadha kemm seħħet ħabta fi Triq it-Trunċiera, San Pawl il-Baħar.
Il-ħabta ras imbras (head-on) seħħet bejn vann li kien qiegħed jiġi misjuq fid-direzzjoni lejn iċ-ċentru ta’ Buġibba minn raġel ta’ 50 sena, residenti San Pawl il-Baħar u karozza tat-tip Audi, li kienet qed tinstaq fid-direzzjoni opposta minn raġel Bulgaru li għandu 34 sena
Flimkien max-xufier Bulgaru fl-Audi kien hemm raġel Bulgaru ieħor ta’ 46 sena, li weġġa’ wkoll fl-inċident.
It-tliet persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza sabiex jiġu kkurati għall-ġrieħi li sofrew. Is-sewwieq ta’ 50 sena ġie ċċertifkat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi iżda mhux fil-periklu tal-mewt iżda l-kundizzjoni medika tal-irġiel Bulgari għadha mhux magħrufa.
Il-Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post sabiex jassistu.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.