Ir-residenti taż-żona li lbieraħ kienet milquta mill-agħar terremot fl-Italja sa mill-2009, dalgħodu reġgħu qamu maħsuda hekk kif kien hemm l-effetti ta' wara t-terremot, b'theżżiża oħra. din id-darba ta' 4.5 fuq l-iskala Richter.
Persuni li qed jieħdu ħsieb is-salvataġġ, ilbieraħ irnexxielhom isalvaw tifla ta' 10 snin li kienet ilha midfuna taħt it-tifrik ta' darha għal iktar minn 17-il siegħa. Fost iċ-ċapċip ta' dawk preżenti, it-tifla inħarġet minn qalb il-ġebel u l-bini mwaqqa'.
It-tfittxijiet għal iktar vittmi għadha għaddejja, waqt li l-Ministru għas-Saħħa Taljan saħaq li ħafna mill-vittmi li ħalla dan it-terremot huma tfal, waqt li n-numru ta' vittmi mistenni jkompli tiela. It-total ta' vittmi s'issa laħaq il-247, meta t-tfittxijiet għas-salvataġġ daħlu fit-tieni jum tagħhom.