Madwar 5000 partitarju skoċċiż jinsabu bħalissa Malta, jgawdu ġimgħa ta’ xalar u xorb madwar il-gżira Maltija, bi preparazzjoni għall-logħoba bejn Malta u l-Iskozja, li se tintlagħab illum.
Bħala poplu li jħobb jixrob u jiċċelebra għall-kwalunkwe okkażjoni, l-iskoċċiżi li hawn Malta ilhom jiffullaw numru ta’ bars madwar Malta kollha, speċjalment madwar Sliema, San Ġiljan u n-naħat ta' Buġibba u l-Qawra.
Jidher li l-akbar konċentrazzjoni tinsab in-naħat ta’ San Pawl il-Baħar u Buġibba, forsi anke minħabba l-fatt li ħafna minnhom jinsabu f’lukandi dawk in-naħat, u anke peress li fl-istess lokalità, hemm numru kbir ta’ ‘English Pubs’, li dawn il-partitarji jħobbu jiċċelebraw fihom…b’pinta, jew tnejn
Wara ġimgħa ta’ ċelebrazzjonijiet, wieħed biss jista’ jimmaġina x’se jiġri fil mument ta’ qabel u waqt il-logħoba stess. Partitarji li tkellmu ma’ dan is-sit, saħqu li għandhom attitudni pożittiva u paċifika u jkun xi jkun ir-riżultat, xort se jkomplu jiċċelebraw bil-kbir illejla.